3 xelters li jilqgħu rġiel vittmi ta’ vjolenza domestika

Irġiel vittmi ta’ vjolenza domestika f’Malta jistgħu jaċċessaw xelters li jilqgħu fihom persuni li m’għandhomx saqaf fuq rashom. Bħalissa fil-Gżejjer Maltin hawn tliet xelters li jilqgħu lil dawn l-irġiel.

Fil-Parlament il-Ministru Michael Falzon qal li l-irġiel vittmi ta’ vjolenza domestika jingħataw l-istess kwalità ta’ servizz li jingħataw in-nisa. Is-servizz tal-Vjolenza Domestika fi ħdan il-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali huwa miftuħ għal kulħadd u ma tagħmilx distinzjoni fil-ġeneru, l-identità tal-ġeneru, orjentazzjoni sesswali, nazzjonalità, età jew twemmin.

Il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon qal li s-servizz li jingħata mill-ħaddiema soċjali fi ħdan il-Fondazzjoni huwa wieħed kunfidenzjali u dawn il-persuni jingħataw sapport emozzjonali u anke fuq livell personali. Żied li l-ħaddiema soċjali jgħinu lill-persuna tagħraf dak li għaddejja minnu u tiġi infurmata ukoll b’alternattivi differenti li tista’ tadotta.  

Fil-Parlament il-Ministru Michael Falzon spjega l-proċess li persuna tgħaddi minnu sabiex tingħata l-għajnuna. Huwa qal li kull persuna li titlob l-għajnuna tiġi mgħarrfa bid-drittijiet tagħha u mwieżna sabiex tieħu dawk id-deċiżjonijiet neċessarji għall-protezzjoni tagħha u tat-tfal li jistgħu ikunu involuti.

Il-ħaddiema soċjali jistgħu wkoll jiffaċilitaw l-aċċess għal servizzi oħra inkluż dawk residenzjali u flimkien mal-vittmi jaħdmu fuq pjan skont l-bżonnijiet u ċ-ċirkustanzi tal-każ. 

Il-Ministru Falzon kien qiegħed iwieġeb għall-mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttiġieg.

Aktar minn 400 rapport ta’ domestika fi tliet snin fit-3 distrett

Total ta’ 435 rapport ta’ domestika saru fi tliet snin fit-tielet distrett. Fl-2017 saru 37 rapport f’Wied il-Għajn, 53 fiż-Żejtun, 22 f’Marsaxlokk u 11 f’Ħal Għaxaq. Fl-2018, saru total ta’ 150 rapport fit-tielet distrett li kienu maqsuma f’66 f’Wied il-Għajn, 45 fiż-Żejtun, 13 f’Marsaxlokk u 26 f’Ħal Għaxaq. F’dan id-distrett l-akbar ammont ta’ rapporti li saru kien fl-2019 b’total ta’ 162 rapport. F’Wied il-Għajn saru 77 rapport, 57 fiż-Żejtun, 11 f’Marsaxlokk u 17 f’Ħal Għaxaq.

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri ppreżenta din l-istatistika fil-Parlament bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Mario Galea.