3 servizzi ġodda mill-berġa ta’ Ħaż-Żebbuġ

Il-berġa ta’ Ħaż-Żebbuġ se tibda toffri servizzi ta’ nutritionist, dietician, u lifestyle fil-ġimgħat li ġejjin.

Fi stqarrija, il-Ministeru għas-Saħħa qal li dawn it-tliet servizzi ġodda huma essenzjali primarjament bħala prevenzjoni kontra l-mard bħalma huwa dak tad-dijabete u pressjoni.

Mill-berġa ta’ Ħaż-Żebbuġ bħalissa jingħata servizz mediku minn tabib u infermiera tliet darbiet fil-ġimgħa lil medja ta’ 270 persuna kull xahar, filwaqt li jingħata servizz ta’ pataloġija tal-lingwa mitkellma (speech and language pathology)  mit-Tnejn sal-Ġimgħa lil madwar 100 pazjent kull xahar.

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne inawgura l-berġa tal-Gvern li għadha kemm saritilha rinovazzjoni estensiva, inkluż tal-għamara. Għall-inawgurazzjoni tal-berġa ta’ Ħaż-Żebbuġ kienu preżenti wkoll il-Kap Eżekuttiv tal-Kura Primarja Rosanne Camilleri u s-Sindku tal-lokalità Sarah Agius.

Il-berġa ta’ Ħaż-Żebbuġ hija fost 54 berġa li l-Gvern għandu mxerrdin ma’ Malta u Għawdex. Uħud minnhom ġew devoluti lill-kunsilli lokali tal-lokalità konċernata. Huwa kkalkulat li minn dawn il-bereġ kull sena jingħata servizz lil madwar 210,000 pazjent.