3 rekluti nisa għall-ewwel darba fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili

Fost il-129 rekluta tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li bħalissa għaddejjin minn taħriġ f’Ħal Far, għall-ewwel darba hemm tliet nisa.

Dan ħareġ wara żjara tal-Ministru għall-Intern Michael Farrugia lil dawn ir-rekluti. Ir-rekluti qed jagħmlu taħriġ ibbażat fuq sitwazzjonijiet reali li eventwalment jistgħu jiltaqgħu magħhom fil-futur. Dawn jinkludu għarfien kif jintfew in-nirien, is-salvataġġ fuq il-baħar, l-użu effiċjenti ta’ pompi u foam, salvataġġ wara inċidenti tat-traffiku u diżastru naturali fost l-oħrajn.

Il-Ministru Farrugia qal li dan huwa l-akbar reklutaġġ fl-istorja tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u li jinsab kburi li għall-ewwel darba hemm tliet rekluti nisa. Spjega li se jkun hemm aktar investiment fl-apparat u makkinarju biex il-protezzjoni ċivili tkompli tissaħħaħ. Intant qal li għaddejjin laqgħat fi stadju avvanzat biex jiġi konkluż il-ftehim kollettiv tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.

Intant, id-Direttur tal-Protezzjoni Ċivili Emanuel Psaila qal li jinsab kburi bl-akbar reklutaġġ fl-istorja tad-Dipartiment. Qal li għandu tama li dawn ir-rekluti se jagħmlu avvanz u se jkunu ta’ vantaġġ kbir għad-dipartiment.