3 raġunijiet għaliex għandek taħsiblu għall-Milied minn issa

Għalkemm f’Malta m’għad għandna l-ebda sinjal ta’ xitwa jew ta’ kowtijiet, avolja għamel dulluvju xita l-ġimgħa l-oħra, ħwienet f’Londra fost oħrajn diġà bdew jarmaw għall-Milied.
F’ċertu stationeries madwar Malta, ħarġu l-kartolini tal-Milied ukoll.
Imma min għandu moħħ jaħseb fil-Milied bħalissa?
 

Esperti f’dan il-qasam jgħidu li min jaħsiblu kmieni jmur l-aħjar. Ara għaliex:
1. Bil-kalma tixtri aħjar
Wieħed kapaċi jagħmel deċiżjonijiet ferm aħjar meta jkun kalm, mhux meta jkunu s-6pm lejlet il-Milied. Dan għaliex wieħed ikollu aktar ċans jaħsibha sew u jiġi inqas influwenzat minn promozzjonijiet li jkun għaddejjin fil-ħwienet.
2. Tnaqqas il-burdata ħażina u ddejjaq inqas nies
Il-ġenn ma jagħti gost lil ħadd, wisq inqas waqt il-ġranet mferfxa tal-festi, fost il-ħafna preparamenti li dawn il-ġranet iġibu magħhom. Jekk ix-xirja tkun lesta qabel, sa ssib ruħek aktar kalm u pjaċevoli għal ta’ madwarek.
3. Tonfoq inqas
Barra minn hekk, ċerti tendenzi juru li meta wieħed ikun burdata ħażina huwa aktar faċli li tonfoq aktar. Aħbar tajba għal sid il-ħanut, iżda aħbar ħazina għal butek. Naturalment, faċli wkoll aktar li ssib prezzijiet orħos f’Ottubru u f’Novembru minn żmien il-festi.
Tinsiex ukoll li f’Malta qed tiżdied it-tradizzjoni Amerikana tal-Black Friday u Cyber Monday fl-aħħar weekend ta’ Novembru, fejn il-ħwienet jagħtu skontijiet fuq il-prodotti tagħhom.
Inti x’tippreferi, tmur tixtri r-rigali tal-milied minn issa? Jew tistenna t-tiżjin tat-toroq għal Diċembru biex tidħol iktar fl-atmosfera? Ibagħtilna imejl fuq info@newsbook.com.mt