3 prinċipji dwar il-familja fil-qofol tal-politika tal-PN

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal li t-tliet prinċipji li l-Partit Nazzjonalista jibbaża l-politika tiegħu fuqhom huma ċ-ċentralità tal-familja, id-drittijiet tat-tfal u d-dinjità tal-persuna.
Waqt li kien qed jindirizza l-Konferenza Nazzjonali bit tema Il-Familja – Dritt ta’ Kull Tifel u Tifla, Simon Busuttil spjega kif il-politika tal-Partit Nazzjonalista hija bbażata fuq il-familja u d-drittijiet tat-tfal.
Dwar iċ-ċentralità tal-familja, Busuttil qal li l-familja hija n-nukleu essenzjali tas-soċjetà u l-qalba tad-demokrazija. Hu qal li mhuwiex għall-politiku li jgħid xi tkun id-definizzjoni ta’ familja, iżda xogħol il-politiku hu li jpoġġi lill-familja fuq quddiem tal-aġenda politika.
Simon Busuttil qal li d-drittijiet tat-tfal għandhom ikunu drittijiet ewlenin għax it-tfal huma l-aktar vulnerabbli. Sostna li hu importanti d-drittijiet tat-tfal jingħataw prijorità għax hemm bżonn li xi ħadd li jieħu ħsiebhom.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal ukoll li wieħed għandu jassigura d-dinjità tal-persuni kollha b’mod speċjali dawk f’familji vulnerabbli.
Tkellem ukoll dwar l-addozzjonijiet u l-fostering u qal li min qiegħed fil-politika m’għandux jiddiskuti dawn l-oqsma tant sensittivi b’sens partiġjan.