3 persuni oħra jmutu bil-COVID-19; L-imwiet f’Malta jaqbżu l-100

cmru mater_dei

Read in English.

Tliet persuni oħra tilfu ħajjithom wara li kienu nstabu pożittivi għall-coronavirus. Dan tħabbar fi stqarrija mill-Ministeru għas-Saħħa llejla.

Fl-ewwel każ anzjan ta’ 78 sena, li kien ikkonfermat pożittiv għall-Covid-19 fit-2 ta’ Novembru, miet ilbieraħ fil-Good Samaritan Long-term Facility.

Fit-tieni każ anzjan ta’ 87 sena, li kien ikkonfermat pożittiv għall-Covid-19 fis-6 ta’ Novembru, miet aktar kmieni llum fl-Isptar Mater Dei.

Fit-tielet każ anzjan ta’ 79 sena, li rriżulta pożittiv għall-Covid-19 fil-5 ta’ Novembru, miet aktar kmieni llum fl-Isptar Mater Dei.

B’hekk fil-pajjiż issa mietu b’kollox 101 persuni.

Il-Ministeru għas-Saħħa ta l-kondoljanzi lill-qraba tal-anzjani. Intant appella biex kulħadd jimxi mal-miżuri ta’ prevenzjoni fosthom il-ħasil tal-idejn, id-distanza soċjali u l-użu tal-maskri, hekk biss nistgħu nagħmlu d-differenza.

Propju dalgħodu, ġurnalist staqsa lill-Prim Ministru x’inhi r-raġuni li l-aħbar ta’ persuni li mietu bil-coronavirus f’ġurnata partikolari kien qed jitħabbar tard filgħaxija. Hu rrimarka li l-istqarrija kienet qed tintbagħat wara l-ħin tal-aħbarijiet. Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-imwiet qed jitħabbru flimkien fl-aħħar tal-ġurnata. Insista li l-Gvern qed ikun trasparenti dwar il-pandemija u qatt ma ħeba xejn.

L-istqarrija dwar l-imwiet tal-lum waslet fis-6.40pm, qabel il-bulettini tal-aħbarijiet li jixxandru fuq it-televiżjoni kull filħaxija.