Tliet persuni mietu u persuna għamiet wara li xorbu hand sanitiser, peress li dan kien fih il-metanol.
Dan ġara fi New Mexico, belt fl-Istati Uniti.
Tliet persuni oħra jinsabu f’qagħda kritika, skont ma qalu l-uffiċjali tas-saħħa lokali.
Il-każijiet ġew irrappurtati f’Mejju, u huma marbutin mal-vizzju tax-xorb. L-awtoritajiet ma provdewx dettalji dwar il-vittmi jew dwar fejn ġraw il-każijiet.
Spjegaw li xi nies jużaw il-hand sanitiser sabiex jiskru, minħabba li dan għandu livell għoli ta’ alkoħol. Ġie spjegat ukoll li qabel faqqgħet il-pandemija tal-coronavirus, il-hand sanitiser kien projbit f’ħafna ħabsijiet, minħabba biża’ li l-priġunieri jixorbu minnu jew jużawh biex jagħtu n-nar lill-binja. Iżda dan tħalla jintuża fil-ħabsijiet issa minħabba l-Covid-19.
L-awtoritajiet appellaw biex jekk hemm nies li jaħsbu li użaw jew ikkunsmaw hand sanitiser bil-metanol fih, dawn ifittxu għajnuna medika.