3 persuni jitressqu l-Qorti akkużati b’ħasil ta’ miljuni ta’ Ewro

Miguela Xuereb

Read in English.

Tliet persuni tressqu l-Qorti lbieraħ filgħaxija fejn ġew akkużati b’ħasil ta’ miljuni ta’ Ewro, fost akkużi oħrajn.

In-negozjant tal-fjuwil, Gordon Debono u martu Yvette, flimkien ma’ Shawn Higgins tressqu l-Qorti lbieraħ wara s-7pm. Huma kienu akkużati li allegatament għamlu trasferiment ta’ propjetà meta kienu konxji li din setgħet inkisbet minn attività kriminali. Huma tressqu l-Qorti quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo.

Intant Gordon Debono kien ukoll akkużat li fl-irwol tiegħu bħala uffiċjal tal-kumpanija Petroplus għamel dikjarazzjonijiet foloz lill-awdituri, li qered u ffalsifika dokumenti uffiċjali u li rema dawn id-dokumenti.

Fil-Qorti saret talba għall-ħelsien mill-arrest, madanakollu l-prosekuzzjoni oġġezzjonat. Il-prosekuzzjoni immexxija mill-ispetturi Joseph Xerri, Omar Caruana, u James Turner qalet li l-każ jinvolvi ħasil ta’ flus ta’ miljuni ta’ Ewro u li għad hemm diversi xhieda li kellhom jitressqu biex jixhdu dwar il-każ. Min-naħa tagħha, id-difiża mmexxija mill-avukat Roberto Montalto sostniet li Debono diġà kellu akkużi oħra simili fil-konfront tiegħu fl-Italja. Sostna wkoll li l-każ imur lura għall-2013 u b’hekk huwa diffiċli biex l-evidenza tkun imbgħabsa. Dwar mart Debono, Yvette, l-avukat qal li hi għandha tliet it-tfal u anke ssofri mill-epilessija.

Minkejja dan, il-Maġistrat Farrugia Frendo rrifjutat li tagħti l-ħelsien mill-arrest kemm lill-koppja, kif ukoll lil Higgins.

Il-prosekuzzjoni kienet akkumpanjata minn Elaine Mercieca u Cinzia Azzopardi Alamango mill-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Istat.

Fl-aħħar jiem, żewġ eks futbolers, flimkien mal-avukat Arthur Azzopardi u Gordon Debono, ġew arrestati b’rabta ma’ investigazzjoni mill-Pulizija dwar kuntrabandu. Dan ġie kkonfermat indipendentament ma’ Newsbook.com.mt wara li t-Times of Malta rrappurtat li ż-żewġ eks futbolers qattgħu lejl il-ħabs.

Il-ġurnal ikkwota sorsi jgħidu li saru numru ta’ rejds bejn it-Tnejn u s-sigħat bikrin tat-Tlieta filgħodu, li fil-mira tagħhom kien hemm Debono u numru ta’ impjegati tiegħu. Skont it-Times, b’kollox ġew arrestati madwar 10 persuni.

Newsbook.com.mt ikkonferma li Arthur Azzopardi, Gordon Debono u l-accountant Chris Baldacchino, flimkien ma’ żewġ eks futbolers huma fost dawk arrestati.

It-Times kienet irrappurtat li investigazzjoni identifikat sensiela ta’ pagamenti li jammontaw għal €1.9 miljun li rċieva Azzopardi. Dr Azzopardi kien l-avukat ta’ Vince Muscat (il-Koħħu), wieħed mit-tlett irġiel akkużati bl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Chris Baldacchino & Associates riċentament ġew immultati €58,900 dwar kwistjoni ta’ ħasil ta’ flus.

Joħroġ divjett mill-Qorti

Wara li l-ismijiet taż-żewġ futbolers kienu ppubblikati f’diversi ġurnali għal diversi sigħat, il-Qorti ħarġet digriet fejn ordnat divjett fuq l-ismijiet tagħhom. Id-digriet ħareġ ilbieraħ filgħodu.

Jinħeles mill-arrest l-avukat Azzopardi – rapport

Rapport tal-ġurnal MaltaToday ippubblikat ilbieraħ qal li l-avukat Arthur Azzopardi nħeles fuq police bail wara li kien interrogat b’rabta ma’ kuntrabandu ta’ fjuwil u allegazzjonijiet ta’ ħasil ta’ flus. Azzopardi kien wieħed minn diversi persuni arrestati fir-rejd tal-pulizija msemmija aktar kmieni.

Azzopardi, li huwa avukat kriminali, qal lill-ġurnal MaltaToday li għamel lejl fil-kustodja tal-pulizija u kien interrogat b’rabta ma’ allegazzjonijiet ta’ ħasil ta’ flus relatati ma’ terzi persuni. Hu sostna li ma kienux relatati mal-persuni li tressqu l-Qorti. “Ma kont qed nipprova naħbi xejn għax m’hemm xejn x’taħbi,” qal Azzopardi lill-ġurnal. Jidher li l-pulizija riedu jkunu jafu aktar dwar l-involviment tiegħu ma’ terzi persuni li kienu ta’ interess għall-pulizija. Hu nżamm matul il-lejl għax il-pulizija ma kellhomx ċans jagħmlu t-tfittxijiet fl-uffiċju tiegħu qabel.