3 persuni għall-Qorti minħabba n-nar fl-Aħrax tal-Mellieħa

Tliet persuni se jitressqu l-Qorti minħabba nar li ħakem il-masġar tal-Aħrax tal-Mellieħa.

Fi stqarrija l-Pulizija qalet li fuq il-post sabu tliet kampijiet kif ukoll fossa tan-nar (fire-pit) li kienet għadha taqbad u possibilment li n-nar beda minn hemm.

Camping bla permess

Posted by Ivan Castillo on Sunday, May 17, 2020

Wara tfittxija fiż-żona u fil-kampijiet li kien hemm fil-madwar, il-Pulizija sabu mobile u rnexxielhom jagħmlu kuntatt ma’ sidu.

Il-Pulizija tkellmet ma’ sid il-mobile – raġel ta’ 33 sena residenti l-Furjana. Kien qed jikkampja bla permess ma’ mara ta’ 29 sena minn Raħal Ġdid u raġel ta’ 29 sena residenti Ħal Safi.

Mill-investigazzjonijiet illi saru rriżulta li n-nar beda b’mod aċċidentali. Però l-persuni li kienu fil-post allegatament telqu wara li n-nar infirex f’ħakka t’għajn kawża tar-riħ qawwi li kien hemm fl-akwati.

“In-nar ġie kkontrollat b’diffikulta mill-membri tal-Protezzjoni Ċivili, li baqgħu fuq il-post sa sigħat wara li n-nar intefa kompletament. Diversi persuni oħra, flimkien mal-Pulizija assistew fl-operazzjoni,” qal il-Korp.

Il-Pulizija se tieħu passi kontra t-tliet persuni fil-Qorti. L-investigazzjonijiet dwar dan il-każ għadhom għaddejjin u qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett tal-Qawra.

Evalwazzjoni tal-ħsara fil-jiem li ġejjin – FKNK

Il-Federazzjoni tal-Kaċċaturi FKNK qalet li fil-jiem li ġejjin bl-għajnuna tal-pulizija, se tagħmel evalwazzjoni tal-ħsara li seħħet.

“L-ewwel indikazzjonijiet juru li inqerdu ammont kbir ta’ siġar u arbuxelli u parti sostanzjali mill-abitat naturali mir-Riżerva li l-membri tal-FKNK ilhom jieħdu ħsieb u jikkuraw b’mod volontarju u għas-spejjeż tagħhom sa mill-1986, u fejn il-poplu inġenerali għandu aċċess liberu s-sena kollha,” qalet l-FKNK fi stqarrija.

L-FKNK qalet ukoll li l-campers għandhom sit allokat għalihom fir-Riżerva fejn jistgħu jikkampjaw wara li jġibu l-permess meħtieġ mill-Kunsill Lokali tal-Mellieha, liema permess la jtiehom id-dritt li jqabbdu nar u lanqas li jikkampjaw matul il-lejl.