Ippublikata l-lista l-oranġjo; Ir-Rumanija tħassar it-titjiriet kollha lejn Malta

Aġġornat 05:30 PM
Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Gvern għadu kemm ippubblika l-lista l-oranġjo (amber list) fejn hemm tliet pajjiżi mniżżla b’kollox. Dawn huma l-Bulgarija, ir-Rumanija u tliet ibliet Spanjoli.

Fi stqarrija, il-Ministeri għas-Saħħa u għat-Turiżmu spjegaw li minn nhar il-Ġimgħa 21 ta’ Awwissu, f’nofsillejl, se jidħol fis-seħħ avviż legali li jgħid li kull min jasal f’Malta minn dawn il-pajjiżi, irid jissottometti ċertifikat ta’ riżultat negattiv ta’ COVID-19 Polymerase Chain Reaction (PCR) test.

Dwar Spanja, dan l-avviż legali japplika għall-passiġġieri li ġejjin minn Barċellon, Girona u Madrid.

Intant, ir-Rumanija ħarġet deċiżjoni fejn issospendiet it-titjiriet kollha minn u lejn Malta minn nhar it-Tnejn li ġej. Id-deċiżjoni daħlet dis-seħħ illum. Permezz ta’ dikjarazzjoni fuq Facebook, il-Konsulat Onorarju tar-Rumanija f’Malta avżat lir-Rumeni kollha dwar is-sitwazzjoni kurrenti. Qalet li jekk hawn xi ħadd li jrid jirritorna r-Rumanija jew jiġi Malta għandu jibgħat email fuq catania@mea.ro.

Dragi romani, autoritatile romane au emis o decizie pe 17 august, cu implementare de pe 18 august, conform careia…

Posted by Honorary Consulate of Romania in Malta on Tuesday, August 18, 2020

Min ma jiġix b’ċertifikat irid jagħmel swab test fl-ajruport

Il-Gvern Malti spjega li l-passiġġieri kollha li ġejjin minn mill-Bulgarija, ir-Rumanija u t-tliet ibliet Spanjoni, għandu jkollhom ċertifikat ta’ swab test li jkun sar sa mhux aktar minn 72 siegħa qabel it-titjira.

Il-passiġġieri li jonqsu milli jippreżentaw dan iċ-ċertifikat jistgħu jiġu sottoposti għal swab test fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u jistgħu jintalbu li jinżammu fi kwarantina.

Il-lista ta’ pajjiżi fuq din l-amber list se tkun aġġornata minn żmien għal żmien. Ilbieraħ, il-Ministru Chris Fearne qal li din se tkun aġġornata kull ġimgħa.