3 nisa Ingliżi u 9 uliedhom jidħlu fis-Sirja

Tliet nisa aħwa, ilkoll Musulmani minn Bradford fl-Ingilterra, flimkien mad-disa’ uliedhom, daħlu fis-Sirja imma mhux se jkunu jistgħu jirritornaw l-Ingilterra.
Qal dan kelliem anonimu f’isem il-militanti tal-Istat Iżlamiku hekk kif ikkonferma li l-familja nqasmet f’żewġ gruppi biex qasmet il-fruntiera mit-Turkija.
Ikkonferma li l-ewwel grupp daħal fil-pajjiż fil-ġurnata tal-Erbgħa u t-tieni grupp ilbieraħ.
L-aħwa Khadija, Sugra u Zohra Dawood u d-disa’ uliedhom, ta’ etajiet bejn 3 snin u 15-il sena, tellfu t-traċċi tagħhom wara li marru għal pellegrinaġġ reliġjuż fl-Arabja Sawdija.
Iktar kmieni din il-ġimgħa, l-irġiel ta’ tnejn mit-tliet nisa għamlu appell imqanqal fuq it-televiżjoni Ingliża biex jirritornaw id-dar flimkien ma’ uliedhom.
Huma rrappurtawhom neqsin meta ma qabdux it-titjira lura lejn l-Ingilterra, kif kellhom jagħmlu.
Hu mifhum li ħu t-tliet nisa qiegħed jiġġieled f’isem l-Istat Iżlamiku fis-Sirja.