3 modi sempliċi kif tista’ tbiddel il-burdata

Ħafna drabi nisimgħu li l-affarijiet iż-żgħar l-aktar li jagħmlu d-differenza fil-ħajja tagħna. Wara kollox, għalkemm il-mumenti kbar tal-ħajja, bħat-twelid ta’ tarbija fil-familja, żwieġ, xogħol ġdid eċċ, huma mumenti sbieħ u imprezzabbli, dawn ma jiġrux daqshekk ta’ spiss.
Hawn taħt għaqqadna tliet eżempji ta’ kif wieħed jista’ jkollu ġurnata isbaħ permezz ta’ dawn il-ġesti żgħar.
1.     Uża djarju biex tniżżel il-mumenti tal-ġurnata 
Fl-aħħar tal-ġurnata, fakkar lilek innifsek fis-suċċessi żgħar li kellek matul il-ġurnata. Jistgħu jkunu affarijiet sempliċi bħal ‘kont ta’ għajnuna għall-kollega f’mument li kellu/ha bżonn. Id-djarju jista’ jintuża wkoll għall-mumenti inqas sbieħ li jaf iqanqlu xi biża’. Billi tiktibhom fid-djarju tkun qed ittaffi xi ftit minn dawn l-emozzjonijiet negattivi.  
2.     Tkellem ma’ xi ħadd li ma tafx 
Fid-dinja tal-lum, ħafna drabi nsibu ruħna nħarsu lejn il-mowbajl meta nkunu f’ambjent fejn ma nafu lil ħadd, pereżempju waqt li qed nistennew il-karozza tal-linja. Uża dan il-ħin biex tgħid bonġu lill-persuna ta’ ħdejk…ma tistax tgħid forsi din kapaċi tbiddlilha l-burdata jew viċi-versa!
3.     Ħu ritratt ta’ xi ħaġa sabiħa
Għalkemm xi drabi l-mowbajl jaqtagħna ftit mir-realtà, dan jista’ jintuża għal skopijiet bil-kontra. Int u miexi lejn ix-xogħol, jew jekk sejjer xi qadja, ħu ritratt ta’ xi ħaġa li laqtitek. Forsi xi tiżjin tal-Milied jew xi qattusa rieqda għall-kwiet.
Il-ġurnata t-tajba!
Jogħġbuk artikli bħal dawn? Tixtieq taqsam magħna xi esperjenzi simili? Ibgħatilna imejl fuq info@newsbook.com.mt