3 modi kif issaħħaħ l-immunità waqt il-pandemija

Ritratt: Unsplash

Huwa magħruf li n-nutrizzjoni hi parti importanti ferm sabiex tissaħħaħ is-sistema immunitarja tagħna. Meta nagħżlu x’nieklu importanti li nżidu s-sorsi tal-Vitamina Ċ, Vitamina D u Zinc, li nstabu li qed jgħinu ħafna wkoll kontra l-imxija tal-Covid-19.

Il-Vitamina Ċ hija meqjusa bħala l-“powerhouse” tas-sistema immunitarja tagħna, għax kapaċi tipprovdi protezzjoni kontra l-viruses, u l-bakterja. Però ġisimna mhux kapaċi jipproduċiha.

Ritratt: Unsplash

Sorsi bnini li huma rikki fil-Vitamina Ċ jinkludu:

  • il-larinġ
  • il-lumi
  • il-frawli
  • il-kiwi
  • id-dulliegħa
  • it-tursin
  • il-karfus
  • is-sweet potato

Il-Vitamina D ukoll kapaċi ssaħħaħ is-sistema immunitarja, però huwa fatt magħruf li ’l fuq minn 57% tal-Maltin, għandhom livell baxx fis-sistema tagħhom. Għaldaqstant, huwa importanti li wieħed jagħmel minn tal-inqas kwarta kuljum espost għar-raġġi tax-xemx kif ukoll jiekol ikel rikk fil-Vitamina D bħal:

  • bajd
  • ħut żejtni
  • prodotti mill-ħalib
  • faqqigħ tat-tipi button jew Portobello
  • ċereali ffortifikati
  • ġewż/lewż
Ritratt: Unsplash

Fl-aħħar iżda mhux l-inqas insibu l-mineral taż-Zinc, li huwa antiossidant qawwi, li jgħin biex iżomm is-sistema immunitarja tagħna taħt kontroll, waqt li jnaqqas it-tul u s-severità ta’ rjiħat staġjonali. Fost sorsi naturali li fihom iż-Zinc insibu:

  • il-frott tal-baħar
  • il-legumi u l-għads
  • il-ġewż/lewż
  • żrieragħ
  • laħam
  • bajd
  • grani ċereali

Ritratt: Unsplash

Għandna nieħdu supplimenti tal-vitamini u minerali f’dan iż-żmien tal-pandemija?

Idealment, wieħed għandu jġib is-sorsi primarji ta’ vitamini u minerali minn ikel bnin, bħal frott, ħaxix u x-xemx. Iżda jaf jagħti l-każ li d-dożi rakkomandati għal kuljum ta’ ċerti minerali u vitamini xorta ma jintlaħqux. Barra minn hekk min ipejjep, hu alkoħoliku jew għaddej minn perjodi ta’ stress fiżiku jew mentali jaf ikollu l-livelli ta’ dawn il-mikro-nutrijenti f’ġismu baxxi ħafna. Għaldaqstant, wieħed jista’ wkoll jissupplixxi dawn id-dożi meħtieġa, minn pilloli apposta. 

Min ibati minn kundizzjonijiet kroniċi, bħal dawk relatati mal-qalb, kliewi, thyroid, parathyroids, jew kanċer, għandu dejjem jirrikorri għand it-tabib tiegħu, qabel ma jibda xi tip ta’ supplimenti sabiex jiddiskuti liema tipi ta’ vitamini u minerali huma l-ideali għalih, mingħajr ma’ joħolqu żbilanċ, jew inkella reazzjoni ma’ pilloli oħrajn li jkun qed jieħu biex jirregola xi kundizzjonijiet oħrajn.

Taf x’inhuma l-iktar ingredjenti meqjusa bħala mega-immunity boosters? Segwi Newsbook fil-jiem li ġejjin.

Dan l-artiklu sar b’kollaborazzjoni bejn Dr Georgiana Farrugia BonniciRadjografa u Tabiba, Ms Claire Ciantar – Counsellor u Complementary Therapist u Ms Christine Busuttil (State Registered Nutrition Therapist).

Jekk tixtieq tagħmel kuntatt mat-Tabiba Georgiana Farrugia Bonnici agħfas hawn.