Uffiċjali korrettivi ċaħdu dak li qal il-Ministeru għall-Intern ma’ Newsbook.com.mt dwar il-proċess għall-promozzjonijiet fil-ħabs,li d-deċiżjonijiet fil-ħabs isegwu regoli u proċeduri stabbiliti, filwaqt li jsiru b’rispett sħiħ lejn il-ftehim kollettiv.
Filwaqt li allegaw li fil-proċess għall-promozzjonijiet reġa’ kien hemm il-preferenzi, l-uffiċjali elenkaw lista ta’ modi kif il-ftehim kollettiv preżenti tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin qed jinkiser.
Gradi mhux inklużi fil-ftehim kollettiv
L-uffiċjali li tkellmu ma’ din il-kamra tal-aħbarijiet semmew kif il-gradi ta’ Lance Corporal u Surġent, la jeżistu fil-ftehim kollettiv u lanqas fl-Appendiċi N fl-Iskeda tal-Gradi tal-Gvern. Barra minn hekk, lanqas ħarġet sejħa għalihom. Żiedu jgħidu li t-tobba u l-infermiera, għalkemm ma jiffurmawx parti mill-klassi tas-servizzi korrettivi, qed jilbsu l-gradi jew l-uniformijiet rispettivi. Dan minkejja li mhumiex fis-servizz.

Ħlas ta’ sahra u sigħat żejda
L-istess uffiċjali saħqu li l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin lanqas mhi timxi mar-regoli meta tħallas is-sahra jew sigħat żejda li jagħmlu s-superviżuri, maniġers korrettivi u l-assistenti maniġers korrettivi. Dan minħabba li skont il-Ftehim Kollettiv, l-impjegati f’dawn il-gradi mhumiex intitolati għall-overtime.

Barra minn hekk, il-gwardjani li tkellmu ma’ Newsbook ilmentaw li l-overtime naqsilhom ħafna, minħabba li ddaħħlu aktar uffiċjali. Semmew kif darba l-Kap tal-Operat, waqt il-fall-in kien qalilhom “issa ara min jiġi jibki għas-sahra għax mhu se tieħdu xejn”.
L-età tal-impjegati
L-età biex tidħol taħdem il-ħabs niżlet minn 21 għal 18-il sena. Dan sar kontra dak li hemm fil-ftehim kollettiv.

Sentejn minflok 5 snin?
Uffiċjali allegatw li taħt tmexxija preċedenti, meta kienu ħarġu sejħiet għall-Maġġuri, kien meħtieġ li l-applikanti jkunu ilhom jaħdmu l-ħabs għal mill-inqas ħames snin. Qed jgħidu li minn ħames snin din issa niżlet għal sentejn, u dan iwassal biex dawk li daħlu l-aħħar u mingħajr daqstant esperjenza jkunu fiċ-ċans li jieħdu promozzjoni, filwaqt li l-oħrajn jibqgħu l-art.
