3 modi biex tnaqqas l-istress u torqod aħjar

Better sleep
Ritratt ta' Unsplash

Minbarra eżerċizzji fiżiċi regolari u xi ftit ħin għall-arja u r-raġġi tax-xemx, hemm modi naturali oħra li nistgħu nagħmlu d-dar, biex jgħinuna nnaqqsu l-istress u jirnexxielna norqdu b’mod san.

  • Il-meditazzjoni: Tgħinek tirrilassa l-ħsibijiet kif ukoll il-fiżjoloġija tal-ġisem tagħna, u għalhekk tgħin biex il-ġisem ikollu l-ispazju u l-ħin meħtieġ biex isaħħaħ is-sistemi difensivi tiegħu. Hemm ħafna filmati fuq l-internet li jistgħu jgħinu biex wieħed jitgħallem jimmedita.
  • Id-delizzji: Il-mużika, il-qari, ix-xogħol tal-idejn u delizzji oħra wkoll jistgħu jassistu biex jitnaqqas l-istress.
  • L-aromaterapija hija mod ieħor biex tnaqqas l-istress u l-ansjetà, waqt li ssaħħaħ l-immunità u ttejjeb l-irqad. L-aromaterapija hi l-użu ta’ żjut aromatiċi (essential oils) li jiġu estratti minn pjanti differenti u li għandhom effetti terapewtiċi fuq is-saħħa fiżika u mentali tal-bniedem.

X’tip ta’ essential oils għandek tuża u meta?

  • Uħud mill-essential oils li jistgħu jgħinu fit-tisħiħ ta’ l-immunità huma l-Lemongrass (Cymbopogon citratus), it-Tea Tree (Melaleuca alternifolia) u l-Frankincense (Boswellia carteri u Boswellia sacra).
  • Oħrajn li jistgħu jgħinu biex jtaffu l-istress, l-ansjetà, u jtejbu l-irqad huma s-Sweet Orange (Citrus sinensis), il-Clary Sage (Salvia sclarea), ir-Roman Chamomile (Chamaemelum nobile) u t-True Lavender (Lavandula angustifolia), fost ħafna oħrajn.
Ritratt: Essential oils – Unsplash

Kif għandek tuża l-essential oils?

  • Tpoġġihomx direttament fuq il-ġilda għax huma żjut ikkonċentrati ħafna u jistgħu jirriżultaw f’irritazzjoni, ħmura u ħruq. Dan minbarra l-possibiltà ta’ allerġiji. Biex nevitaw dan kollu importanti li niddilwixxu l-essential oils kif suppost sabiex inkunu nistgħu nserrħu moħħna li m’humiex se jagħmlulna ħsara. 
  • Huwa importanti ħafna wkoll li l-essential oils ma nżiduhomx max-xorb jew mal-ikel għax jistgħu jagħmlu ħsara lis-sistema diġestiva u anke sistemi oħrajn.
  • L-iżjed mod sikur biex jintużaw huwa permezz ta’ diffuser, fejn il-qtar tal-essential oils jevaporaw u jiċċirkolaw fl-arja sakemm jinġibdu minn imnifsejna.  Il-qtar tal-essential oils jistgħu jitpoġġew mal-ilma ġo electric diffuser jew anka ġo oil burner li jinxtegħel bix-xemgħa. Id-diffuser jew l-oil burner għandhom jitħallew mixgħula ġo kamra li hija ventilata tajjeb għal mhux iżjed minn siegħa kuljum. 5 qatriet huma biżżejjed għal ġod-diffuser jew oil burner. Dan il-metodu, għalkemm l-iżjed sikur, mhux addattat għat-tfal, nisa tqal, anzjani u nies oħra li jbatu minn kundizzjonijiet mediċi jew jieħdu xi mediċini, għaliex huma iżjed f’riskju li jkollhom effetti negattivi bl-użu ta’ essential oils u għaldaqstant huwa ħafna iżjed importanti għal dawn in-nies li ma jużawx essential oils qabel jieħdu parir mingħand it-tabib tagħhom, u mingħand aromaterapista professjonali kwalifikata u ċertifikata f’dan il-qasam.
  • Tajjeb li wieħed iżomm f’moħħu wkoll li l-essential oils jistgħu jagħmlu ħsara lil xi annimali, u għaldaqstant, min għandu l-pets id-dar għandu jżommhom ġo kamra oħra waqt li qegħdin jintużaw l-essential oils.

Riċetti għat-taħlit ta’ essential oils għad-diffuser jew oil burner:

Riċetta għat-tisħiħ tal-immunità: Qatra Lemongrass, 2 qatriet Tea Tree, 2 qatriet Frankincense

Riċetta għar-rilassament u rqad: Qatra Sweet Orange, qatra Clary Sage, qatra Roman Chamomile, 2 qatriet True Lavander (jekk jintuża l-Clary Sage importanti li ma jinxtorobx alkoħol fl-istess ħin għax jista’ jirriżulta f’reazzjoni kimika).

U fil-banju?

Dawn jistgħu jitħalltu wkoll fil-banju, iżda wieħed irid iżomm f’moħħu li jħallathom qabel (pereżempju ma mgħarfa shower gel, għasel jew ħalib) ma jitpoġġew fl-ilma għax iż-żejt f’wiċċ l-ilma jista’ jiġi f’kuntatt dirett mal-ġilda u jagħmel ħsara.

Sitt qatriet għal ġol-banju huma biżżejjed u wieħed għandu joqgħod jirrilassa fl-ilma għal madwar kwarta jew 20 minuta. Dan it-tip ta’ banju aromatiku jista’ jsir darba kull erbat ijiem. F’dan il-metodu huwa importanti li l-ilma b’essential oils ma jiġix f’kuntatt mal-wiċċ, u bħal metodu tad-diffusion, mhuwiex addattat għal tfal, nisa tqal, anzjani u nies li jbatu minn kundizzjonijiet mediċi jew jieħdu xi mediċini mingħajr il-parir ta’ tabib u aromaterapista kkwalifikata. 

Riċetta għar-rilassament fil-banju/rqad:

Ingredjenti:

  • Qatra Clary Sage
  • 2 qatriet Roman Chamomile
  • 3 qatriet True Lavender 

Metodu:

  • Ħoll l-essential oils f’magħrfa shower gel, għasel jew ħalib u ħallathom mal-ilma tal-banju.
  • Jekk jintuża l-Clary Sage importanti li ma jinxtorobx alkoħol fl-istess ħin għax dan jista’ jirriżulta f’reazzjoni kimika li tista’ tħalli effetti negattivi)
  • Is-Sweet Orange mhux ideali biex jintuża ġol-banju għax dan jista’ jikkawża irritazzjoni fil-ġilda.

Affarijiet importanti li għandek tkun taf:

  • Għall-aħjar riżultat terapewtiku importanti li tuża essential oils ta’ kwalità tajba. Aromaterapista kwalifikata tkun tista’ tassistikom biex issibu sorsi tajbin ta’ essential oils li huma affidabbli. 
  • Biex jibqgħu jaħdmu sewwa huwa wkoll importanti li l-fliexken tal-essential oils jinżammu magħluqin sew, fid-dlam, fil-frisk u fix-xott, minħabba li s-sħana, id-dawl, l-ilma u l-arja jistgħu jibdlu l-kompożizzjoni kimika tagħhom u jagħmluhom ineffettivi jew tossiċi. Żommhom f’kaxxa ssiġillata fil-friġġ speċjalment fis-sajf. Importanti li l-kaxxa tkun magħluqa sew għax jekk l-essential oils jevaporaw u jitħalltu mal-ikel fil-friġġ jistgħu jagħmlu l-ħsara.

L-aromaterapijja u l-essential oils jistgħu jgħinu anke fl-għejja, l-uġigħ ta’ ras, il-konġestjoni, id-dardir, l-uġigħ tal-artrite u diversi kundizzjonijiet oħra. 

Dejjem importanti li nżommu f’moħħna li l-aromaterapija mhix hemm biex tintuża minflok l-interventi mediċi, dieta tajba u stil ta’ ħajja sana, imma biex tikkumplimenta dak kollu li wieħed ikun diġà qiegħed jagħmel biex iżomm ruħu f’saħħtu b’mod olistiku.

Avolja l-essential oils huma prodotti naturali, xorta jridu jiġu użati bilgħaqal.  In-natura hija b’saħħitha ħafna u bħalma taf tfejjaq taf ukoll toqtol. Għaldaqstant huwa importanti li nittrattaw is-saħħa tagħha b’mod intelliġenti u b’rispett kbir li hu mistħoqq! 

Dan l-artiklu sar b’kollaborazzjoni bejn Dr Georgiana Farrugia BonniciRadjografa u Tabiba, Ms Claire Ciantar – Counsellor u Complementary Therapist u Ms Christine Busuttil (State Registered Nutrition Therapist).

Jekk tixtieq tagħmel kuntatt mat-Tabiba Georgiana Farrugia Bonnici agħfas hawn.