3 minn kull 5 li talbu l-ażil f’Malta fl-2015 kienu Libjani

Tlieta minn kull 5 persuni li s-sena li għaddiet ingħataw protezzjoni internazzjonali f’Malta kienu Libjani waqt li persuna minn kull ħamsa kienet Sirjana.
Fit-tielet post kien hemm ċittadini Eritreani bir-rata ta’ 4.5%.
B’kollox, Malta tat protezzjoni internazzjonali lil 1,320 persuna, 955 minnhom protezzjoni sussidjarja, 290 stat ta’ refuġjat u 75 għal raġunijiet umanitarji waqt li ma fetħet il-bieb lil ebda persuna mogħtija l-ażil f’pajjiżi oħra.
Ċifri tal-Eurostat juru li nofs dawk li talbu l-ħarsien internazzjonali f’xi pajjiż tal-UE s-sena li għaddiet kienu Sirjani, segwiti mbagħad, imma b’rati ferm inqas, minn dawk mill-Eritrea (8%) u mill-Iraq (7%).
Bejn is-sena li għaddiet u dik ta’ qabilha kien hemm żieda ta’ 72% fit-talbiet għall-ħarsien internazzjonali.
Minn total ta’ 333,000 ruħ, kważi nofshom (148,215) għamlu t-talba tagħhom lill-Ġermanja li 96% tagħhom ingħataw stat ta’ refuġjat.