3 minn kull 10 persuni tnaqqsulhom is-sigħat tax-xogħol

Matul ix-xahar ta’ April tal-2020, tliet persuni minn kull 10 tnaqqsulhom is-sigħat tax-xogħol li kienu jaħdmu qabel. Ir-raġuni madwar dan hija l-pandemija tal-coronavirus, il-lockdown parzjali li kien hawn madwarha u t-tnaqqis fin-negozju b’rabta ma’ dan.

Dan ħareġ minn statistika ġdida tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika li tħares lejn l-impatt fuq il-qasam tax-xogħol fil-pajjiż. L-istatistika turi kif 44% tal-persuni li ħadmu inqas sigħat ma kienx relatat mal-pandemija tal-coronavirus. Intant 56% tal-ħaddiema jidher li tnaqqsilhom ix-xogħol tagħhom kawża tal-pandemija.

62% tal-ħaddiema f’Malta ħassew li l-impjieg tagħhom kien affettwat mil-pandemija. Fejn fl-2019, il-ħaddiema kienu jaħdmu medja ta’ 37 siegħa fil-ġimgħa, matul April tal-2020, is-sigħat ta’ ħidma fil-ġimgħa niżlu għal 29. Fl-aħħar ġimgħatejn ta’ Marzu kienu ħadmu inqas sigħat hekk kif il-medja f’dak il-perjodu kienet niżlet għal 23 siegħa fil-ġimgħa.

Filwaqt li 62% tal-ħaddiem ħadmu sigħat normali, 17% ħadmu inqas sigħat mis-soltu, 14% spiċċaw ma ħadmu xejn filwaqt li kien hemm 7% li ħadmu aktar sigħat minn qabel.

Ix-xogħol mid-dar jidher li żdied ukoll. Filwaqt li fl-2019 kien hemm 12% tal-ħaddiema li kienu jaħdmu mid-dar, f’April tal-2020 il-persuni li ħadmu mid-dar tela’ għal 33%.

Il-Labour Force Survey (LFS) huwa stħarriġ li b’mod kontinwu jiġbor informazzjoni dwar ix-xogħol f’Malta u l-mod kif dan jinbidel matul is-snin.