3 Ministri se jaffaċċjaw inkjesta kriminali dwar il-Vitals

Il-Ministru Edward Scicluna, l-eks-Ministru Konrad Mizzi u l-Ministru sospiż Chris Cardona se jkollhom jaffaċċjaw inkjesta maġisterjali dwar l-involviment tagħhom fil-ftehim tal-privatizzazzjoni tal-isptarijiet. Dan wara li l-Qorti Kriminali rrifjutat l-appell tagħhom.

Il-Maġistrat Doreen Clarke kienet iddikjarat li kien hemm lok sabiex it-tliet persuni politiċi jiġu investigati. L-għada, huma appellaw din id-dikjarazzjoni tal-Maġistrat.

Wara li kien hemm numru ta’ Imħallfin li astjenew milli jieħdu l-każ f’idejhom, dan għadda f’idejn l-Imħallef Edwina Grima, li dalgħodu rrifjutat l-appell tat-tliet persuni politiċi.

F’Ottubru, il-Qorti Kriminali ppreseduta mill-Imħallef Giovanni Grixti ddeċidiet li ma ssirx Inkjesta Maġisterjali fuq it-trasferiment tat-tliet sptarijiet tal-Gvern lil Vitals Global Healthcare. Dan wara li l-Maġistrat Claire Stafrace Zammit kienet aċċettat it-talba.

Wara dan, Repubblika reġgħet għamlet talba ġdida għal inkjesta, liema talba ġiet milqugħa. Però, it-tliet ministri reġgħu appellaw.