Aġġornata (2): Imut immigrant mit-3 fil-periklu tal-mewt, negattiv it-test tal-Ebola fuq l-oħrajn

Aġġornata 18:01:
It-test tal-Ebola fuq iż-żewġ immigranti li ttieħdu l-isptar Mater Dei rriżulta fin-negattiv. 

Aġġornata 16:32:
Il-Pulizija qalu li miet wieħed mit-tliet immigranti li kienu fil-periklu tal-mewt, u li ddaħħlu Malta dalgħodu fost grupp ta' 87 immigranti

Iktar kmieni:
Tlieta mill-87 immigrant li ddaħħlu Malta kmieni llum waranofsinhar jinsabu fil-periklu tal-mewt u se jiġu ttestjati għall-Ebola.
Meta kellem lill-ġurnalisti fl-isptar, Dr Charles Mallia Azzopardi li jmexxi l-Ebola Response Team fl-Isptar Mater Dei qal li t-tim issejjaħ biex imur f'Xatt it-Tiben.
Dan minħabba li l-immigranti kienu ġejjin miċ-Ċentru tal-Afrika u fuq il-vapur kienu diġà mietu 20 persuna u allegatament intefgħu l-baħar minn sħabhom.


Dr Mallia Azzopardi spjega li n-nazzjonalità tagħhom għadha mhix magħrufa, iżda mill-informazzjoni li għandu t-tim, wieħed mill-immigranti ġej mill-Ginea. Jidher ukoll li qattgħu l-aħħar xhur il-Libja u għaldaqstant ir-riskju li huma nfettati bl-Ebola huwa baxx ħafna. 
Ħadd mill-immigranti ma kellu deni, madanakollu tlieta minnhom ittieħdu l-Isptar Mater Dei b'ambulanza u jinsabu fil-periklu tal-mewt. Dan minħabba li l-kundizzjoni ta' saħħithom kienet ħażina minħabba nuqqas ta' ilma, temperaturi baxxi u għax xorbu l-ilma baħar. Bħalissa dawn it-tliet persuni jinsabu fid-Dipartiment tal-Emerġenza fejn mistennija jsirulhom it-testijiet, f'każ li jistgħu jkunu infettati bil-virus tal-Ebola. Ir-riżultati mistennija joħorġu għall-ħabta tas-sitta tal-lejla. 
Il-bqija qed jinżammu kwarantina f'Ħal Safi, fejn se jibqgħu jinżammu iżolati għal madwar tliet ġimgħat. Dawn se jiġu ssorveljati regolarment f'każ li jiżviluppaw xi sintomu tal-Ebola. 
Dr Mallia Azzopardi qal li dawn it-80 immigrant mhux se jiġu ttestjati għall-Ebola minħabba li ma kellhomx deni. Madanakollu jekk mill-inqas wieħed mit-tlieta li qed jingħataw il-kura Mater Dei jirriżulta li jkollu l-Ebola, jibdew isiru t-testijiet lill-bqija.