3 mill-Assistenti Kummissarji ġodda kellhom każ il-Qorti

Erba’ pulizija li kienu investigati quddiem il-Qorti jew quddiem il-Kummissjoni tas-Servizzi Pubbliċi (PSC) ingħataw diversi promozzjonijiet sakemm laħqu Assistenti Kummissarji.
Tlieta minnhom, li kienu Spetturi u eventwalment laħqu Supretendenti, fi żmien li kienu għaddejin proċeduri kontrihom quddiem il-Qorti, laħqu Assistenti Kummissarji din is-sena.
Spettur ieħor li fl-2003 kellu każ quddiem il-Kumitat tas-Servizzi Pubbliċi (PSC) ingħata żewġ promozzjonijiet maż-żmien, sakemm minn Supretendent fl-2008 laħaq Assistent Kummissarju fl-2014.
Dawn id-dettalji ngħataw fil-Parlament mill-Ministru għas-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia għall-mistoqsija tal-Membru Parlamentari Laburista Glenn Bedingfield.
Bedingfield staqsa jekk kienx hemm membri tal-Korp tal-Pulizija li kienu investigati bejn l-1987 u l-1996 u bejn l-1998 u l-2013, snin li fihom kien hemm Gvern Nazzjonalista.
F’Jannar li għadda Newsbook.com.mt kien żvela li wħud mis-Supretendenti li ħadu promozzjoni xelfu difrejhom mal-liġi fosthom wieħed minnhom b’allegazzjonijiet ta’ vjolenza domestika fuq is-sieħba tiegħu. Kien issemma wkoll il-każ tas-surġent li allegatament seraq €36,000 mill-kċina tad-Depot tal-Pulizija.
Mit-tabella li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra mill-Ministru Farrugia, joħroġ li 32 pulizija li maż-żmien ħadu promozzjoni, kellhom każ quddiem il-Qorti u 24 pulizija kellhom każ quddiem il-Kumitat tas-Servizzi Pubbliċi (PSC).
Intant f'mistoqsija parlamentari separata tal-Membru Parlamentari Nazzjonalista Beppe Fenech Adami, il-Ministru Farrugia qal li bejn Jannar 2016 u t-30 ta' Ġunju 2017 ġew ingaġġati jew ri-ingaġġati 204 pulizija. Fost dawn il-pulizija hemm 27 li ma għandhomx fedina penali netta.