3 miljun immigrant mistenni jasal fl-UE sal-2017

L-ammont ta’ immigranti li mistennija jaslu fl-Ewropa sal-2017 jammontaw għal total ta’ tliet miljun.
Il-Kummissjoni Ewropea qalet li dan in-numru jilħaq ir-rekord ta’ influss ta’ immigranti.
Il-Kummissjoni sostniet li l-effett ta’ dan l-influss se jkun wieħed minimu, iżda pożittiv, li se jżid il-prodott gross domestiku b’0.2% sa 0.3%.
L-influss mistenni jżid il-popolazzjoni tal-Unjoni Ewropea b’0.4%. Dan meta wieħed jieħu in kunsiderazzjoni wkoll it-talbiet għall-asil li ma jkunux milqugħa.
In-Nazzjonijiet Magħquda qalet li m’hemmx sinjali x’jindikaw li r-rata ta’ refuġjati mis-Sirja fl-Ewropa se tonqos.
Sadanittant, il-kunflitti fl-Iraq, l-Afganistan, l-Eritrea u s-Somalja qed ikomplu jimbuttaw iktar immigranti lejn l-Ewropa.
In-Nazzjonijiet Magħquda qalu li r-rata ta’ immigranti u refuġjati mit-Turkija għall-Greċja mistennija tkompli b’rata ta’ 5,000 kuljum din ix-xitwa.