3 Maltin jirbħu scholarships f’Londra

Nina Fenech, Faye Galea, u Kyra Tanti ftit tal-ġranet ilu ġew ippreżentati bi scholarships għal skola tas-sajf f’Londra wara li ħadu sehem f’workshops li ġew organizzati f’Malta bejn it-13 u l-15 ta’ Diċembru.

Għal dan il-workshop ta’ 3 ijiem ħadu sehem studenti żeffiena mill-età ta’ 7 snin ‘il fuq. Il-workshops ġew organizzati minn Y Don’t U. Dawn saru fil-Malta Visual and Performing Arts School u għalihom it-tutors ġew minn Pineapple Performing Arts ta’ Londra.

Din l-iskola hija bbażata f’Covent Garden ta’ Londra, u ilha għal dawn l-aħħar 21 sena tħarreġ u tipprepara performers żgħar.

L-għalliema huma kollha professjonali u għandhom ħafna esperjenza, speċjalment fil-musicals li jittellgħu fil-West End f’Londra.

Fl-aħħar ta’ dan il-kors, Ms. Maggie Paterson, id-direttur ta’ Pineapple faħħret il-livell għoli taż- żeffiena studenti, u ppreżentat 3 scholarships lit-3 studenti għall-iskola tas-sajf tal-Pineapple Studios f’Londra.