3 Maltin jinqabdu jikkaċċjaw bla liċenzja r-Rumanija

Tliet irġiel Maltin inqabdu jikkaċċjaw ir-Rumanija u ġew arrestati għaliex erbgħa mill-ħames tipi ta’ għasafar li qabdu huma protetti, u għax ma kellhomx liċenzja tal-kaċċa.

Dan ġara fil-21 ta’ Jannar skont stqarrija tal-Pulizija Rumena.

Il-Pulizija spjegat li t-tliet Maltin ta’ 24, 49 u 62 sena kienu qed iduru b’karozza fl-għelieqi fl-inħawi ta’ Orlesti meta nqabdu mit-Taqsima tal-Armi Splussivi u Sustanzi Perikolużi. Huma nqabdu b’19-il għasfur maqtul ta’ ħames tipi differenti fil-pussess tagħhom.

L-investigazzjoni żvelat li l-irġiel ma kellhomx awtorizzazzjoni għall-kaċċa, għalhekk se jittieħdu passi legali kontrihom. Il-Pulizija interċettaw il-karozza tal-irġiel, kif ukoll it-trailer u d-dgħajsa tagħhom, flimkien mal-armi użati.