3 liċenzji tal-VRT imneħħija f’5 snin

Bejn l-2014 u l-2019 ġew irrevokati tliet liċenzji tal-istazzjon tal-VRT  mill-Awtorità tat-Trasport. L-ewwel liċenzja ġiet revokata fl-2017 u ż-żewġ liċenzji l-oħra ġew revokati fl-2018. Il-Ministru għat-Trasport, Ian Borg qal li l-Awtorità tinsab fil-proċess li tirrevoka xi liċenzji oħra. 

Matul l-istess ħames snin żewġ operaturi tal-istazzjon tal-VRT itterminaw il-liċenzja tagħhom biex joperaw minn jeddhom. Fl-2017 kien hemm l-ewwel liċenzja li ġiet terminata b’mod volontarju u fl-2018 it-tieni waħda. Il-Ministru spjega li skont il-policy tal-Awtorità, l-awtorizzazzjoni ta’ dawn l-istazzjonijiet ingħatat lil terzi persuni nominati mill-operaturi rinunzjati.

Il-Ministru Ian Borg kien qed iwieġeb il-mistoqsija parlamentari tad-Deputat Laburista Byron Camilleri.

B’kollox bħalissa hawn 36 stazzjon tal-VRT li għandhom liċenzja attiva mal-Awtorità tat-Trasport. Fejn qegħdin?

Stazzjon wieħed tal-VRT: F’Ħ’Attard, f’Burmarrad, fil-Għargħur, fil-Gżira, f’Ħal Luqa, fil-Mellieħa, fil-Mosta, fin-Naxxar, fir-Rabat, f’San Pawl il-Baħar, Is-Siġġiewi, f’Tas-Sliema, f’Ħaż-Żabbar, f’Ħaż-Żebbuġ, fiż-Żurrieq u fix-Xagħra.

2 stazzjonijiet tal-VRT: F’Ħal Lija, fl-Imrieħel, f’San Ġwann u f’Santa Venera u fir-Rabat Għawdex.

3 stazzjonijiet tal-VRT: Fiż-Żejtun u fix-Xewkija.

4 stazzjonijiet tal-VRT: F’Ħal Qormi

Il-Ministru Ian Borg qal ukoll li mis-sena 2014 sal-lum, l-Awtorità tat-Trasport ħarġet liċenzja waħda li tista’ titqies bħala ġdida.