​3 kilometri ta’ cables għal elettriku aħjar fil-Baħrija u l-inħawi

Enemalta plc qed issaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku li twassal l-elettriku lill-klijenti tagħha fil-Baħrija u komunitajiet fl-inħawi, sabiex tneħħi d-dipendenza li dawn għandhom fuq linji antiki mdendlin ma’ arbli esposti għall-maltemp u diffikultajiet oħra.
It-tekniċi u l-inġiniera tal-Enemalta qed jiżviluppaw konnessjonijiet ta’ aktar minn tliet kilometri ta’ cables taħt l-art, fl-inħawi tal-Landrijiet u l-Fiddien ir-Rabat.
Fi stqarrija, l-Enemalta qalet li dawn il-konnessjonijiet se jieħdu post il-linji ta’ vultaġġ għoli fuq l-arbli li jwasslu l-elettriku lejn il-Baħrija u l-inħawi.
Spjegat li bħalissa jinsab għaddej ix-xogħol ta’ tħaffir tat-trinek għal dawn il-cables.
Qalet ukoll li l-ebda triq mhu se tingħalaq kompletament waqt ix-xogħlijiet.
Fi proġett ieħor simili, Enemalta qed twettaq ukoll ħidma biex tneħħi linji antiki ta’ 33 kilovolt imdendlin ma’ pylons fl-inħawi tal-Mellieħa, sabiex jissupplixxu l-elettriku f’Għawdex.