3 kappillani ġodda f’Jannar

Kurja - knisja.mt

L-ewwel xahar tas-sena l-ġdida se jġib miegħu kappillani ġodda għal tliet parroċċi f’Malta, li huma fil-Qawra, f’San Pawl il-Baħar u fil-Belt Valletta.

L-ewwel wieħed fosthom, Patri Andrew Galea, se jinħatar bħala l-Kappillan il-ġdid tal-Qawra l-Ħadd 12 ta’ Jannar fil-11am. Ġimgħa wara, is-Sibt 18 ta’ Jannar, fis-6pm, l-Arċisqof Charles Scicluna jiċċelebra quddiesa li matulha jagħti l-pussess lil Dun David Cilia bħala l-Arċipriet il-ġdid tal-parroċċa ta’ San Pawl Nawfragu, il-Belt Valletta. L-għada fil-5.30pm, Mons. Scicluna jaħtar lil Patri Josef Pace bħala l-Kappillan il-ġdid tal-Parroċċa ta’ San Pawl il-Baħar.

L-impenji tal-Arċisqof tul is-sena l-ġdida jibdew għada fid-9am b’quddiesa fis-Solennità tal-Imqaddsa Marija Omm Alla u l-Jum Dinji tal-Paċi, fid-Dar tal-Providenza, is-Siġġiewi. Il-quddiesa se tixxandar live fuq TVM2 u fuq il-kont ta’ Youtube tal-Knisja f’Malta.

L-għada fil-11:30am, l-Arċisqof se jikkonċelebra fil-quddiesa tal-funeral tal-Kardinal Prospero Grech, fil-Bażilika ta’ San Pietru, il-Vatikan. Il-Kardinal miet ilbieraħ fl-età ta’ 94 sena.

Is-Sibt 4 ta’ Jannar, fil-5.30pm, l-Arċisqof se jqaddes quddiesa għall-koppji li se jiżżewġu matul l-2020, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta. Il-quddiesa hija organizzata mill-Moviment ta’ Kana u se tixxandar live fuq YouTube. L-għada fid-9.15am, ikun imiss il-quddiesa tal-Epifanija li matulha jitħabbru l-festi tal-Mulej għas-sena 2020 u jilqa’ lil żewġ seminaristi bħala kandidati għas-saċerdozju, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta. Din il-quddiesa wkoll se tixxandar fuq YouTube.

Il-ġimgħa ta’ wara, fil-5.30pm, Mons. Scicluna għandu jiċċelebra quddiesa għall-koppji li żżewġu matul l-2019, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann. Din il-quddiesa hija wkoll organizzata mill-Moviment ta’ Kana u wkoll se tidher fuq YouTube.

It-Tnejn 20 ta’ Jannar, imbagħad, fis-6pm, se ssir quddiesa ċċelebrata mill-Arċisqof fil-kappella tar-residenza San Vinċenz De Paul, Ħal Luqa, li matulha jordna lil Dun Andrew Camilleri djaknu. Il-Ġimgħa tal-istess ġimgħa, l-Arċisqof se jmexxi Servizz Ekumeniku fil-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda fost l-Insara, fil-Pro-Katidral Anglikan ta’ San Pawl, il-Belt Valletta. Dan se jsir fis-6.30pm. L-għada fil-5.30pm, ikun hemm Traslazzjoni u t-talba tal-Ewwel Għasar u wara quddiesa mqaddsa mill-Arċisqof fil-Konverżjoni tal-Appostlu Missierna San Pawl, fil-Katidral ta’ San Pawl, l-Imdina.

Ix-xahar ta’ Jannar jintemm b’Pontifikal Solenni tal-Konverżjoni tal-Appostlu Missierna San Pawl, fil-Katidral ta’ San Pawl, l-Imdina, iċċelebrat mill-Arċisqof fid-9.30am.