3 iwieġbu ħatja għall-involviment tagħhom f’serqa fis-Suq tal-Belt

DOI – Jeremy Wonnacott

Tliet persuni wieġbu ħatja għall-involviment tagħhom f’serqa minn ristorant li saret fis-Suq tal-Belt fil-Belt Valletta.

Fil-Qorti nstema’ kif Adnan Saed ta’ 26 sena mil-Libja ġie akkużat li fid-29 ta’ Lulju seraq €48,992 minn wieħed mir-ristoranti li hemm fis-Suq tal-Belt. Ġie akkużat ukoll li kiser il-provediment ta’ sentenza sospiża mogħtija lilu fil-15 ta’ Lulju 2019. L-akkużat m’għandux indirizz fiss.

B’rabta mal-istess każ tressqu wkoll Roxanne Grech ta’ 29 sena residenti l-Imsida u Ryan Azzopardi ta’ 20 sena minn Bormla. Dawn it-tnejn ġew akkużati li kienu kompliċi fis-serqa fir-ristorant fil-Belt Valletta.

Fl-aħħar ta’ Lulju, żagħżugħ ta’ 23 sena li jaħdem bħala xufier ta’ taxi ammetta li kien parti mis-serqa.

Xufier tat-taxi jammetti l-involviment tiegħu fis-serqa mis-Suq tal-Belt

Mill-investigazzjonijiet tal-Pulizija rriżulta li l-persuna li wettqet is-serqa kien ir-raġel ta’ 26 sena. Iż-żewġ persuni l-oħra li tressqu l-Qorti llum kienu impjegati mar-ristorant u għaddew informazzjoni lil terzi.

S’issa l-Pulizija rnexxielha tirkupra madwar €11,000. Jidher li l-Libjan bagħat il-bqija tal-flus lejn pajjiżu.

Il-Maġistrat Gabriella Vella kkundannat lill-akkużati Maltin sentenza ta’ sentejn ħabs sospiża għal erba’ snin. Ġew ordnati ma jagħmlux kuntatt ma’ min kien iħaddimhom għal tliet snin. Il-Libjan ġie kkundannat 18-il xahar ħabs. Però, hu kien diġà ingħata sentenza sospiża ta’ sitt xhur ħabs f’Lulju. Għalhekk issa se jkun qed jagħmel sentejn fil-ħabs.