3 itfal Għawdxin bla LSE; 203 LSEs Għawdxin jaħdmu Malta

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici qal li f’Għawdex hemm tlett itfal li jeħtieġu Learning Support Educator. Bħalissa hemm 203 LSEs Għawdxin li qegħdin jaħdmu Malta.

Din l-informazzjoni ngħatat fil-Parlament bħala tweġiba għall-mistoqsija tal-Membru Parlamentari Nazzjonalista Kevin Cutajar.

Bonnici spjega li tnejn minn dawn it-tfal għandhom bżonn LSE waħda li tgħinhom it-tnejn f’daqqa, u l-istudent l-ieħor jeħtieġ LSE li tassisti lilu biss. Żied jgħid li fil-bidu ta’ dan ix-xahar kellhom jidħlu LSEs mil-leave tal-maternità u mill-parental leave.

Kemm-il LSE Malti ħadem Għawdex tul is-snin?

Mill-2013 l’hawn, l-LSEs Maltin li marru jaħdmu Għawdex naqsu b’mod sinifikanti. Bejn l-2012 u l-2013, kien hemm 18-il LSE Maltija li marret Għawdex, mentri fl-2019, ħames persuni marru jaħdmu Għawdex bħala LSE.

Il-lista sħiħa ġiet ippreżentata fil-Parlament:

  • 2012/2013: 18-il persuna
  • 2014: 2 persuni
  • 2015: 2 persuni
  • 2016: 8 persuni
  • 2017: 8 persuni
  • 2018: 5 persuni
  • 2019: 5 persuni

Cutajar staqsa wkoll jekk hemmx pjan biex jitnaqqas l-ammont ta’ tfal f’Għawdex li għandhom bżonn LSE. Bonnici wieġeb li l-pjan mhuwiex biex jitnaqqas dan is-servizz, iżda ġew ingaġġati iżjed LSEs din is-sena.