3 itfal Franċiżi jegħrqu wara li mewġa ħakmet dgħajsa

Pexels

Tliet itfal Franċiżi għerqu ’l barra mill-kosta Normandija meta mewġa kbira ħakmet dgħajsa tal-familja, bil-konsegwenza li nqalbet. It-tfal kienu żewġ aħwa bniet ta’ 13 u 9 snin, u tifel ta’ seba’ snin. Membri tas-salvataġġ kienu fuq il-post fi ftit ħin, imma l-kabina tad-dgħajsa, fejn kienu maqbuda t-tfal kienet taħt l-ilma.

Ma’ ġurnal Franċiż, omm il-bniet qalet li kienu qed jippruvaw jidħlu l-art meta innutat l-ilma fid-dgħajsa. Spjegat li għajtet għall-għajnuna imma kien tard wisq. Kompliet tgħid li it-tfal ma kinux jafu jgħumu imma kienu lebsin il-life jackets.

“Ma kellhomx ċans joħorġu. Missierhom ipprova jkisser it-tieqa tal-kabina, b’idejh, b’saqajh u bl-ankra”, sostniet l-omm.

Il-Kap tat-Taqsima ta’ Salvataġġ qal li l-baħar kien wisq imqalleb għal dgħajsa ta’ 18-il pied.