3 itfal bl-awtiżmu nstabu b’marda ‘rari’ minn tobba f’Mater Dei

Tlett itfal li għandhom l-awtiżmu nstabu b’marda li hija rari f’pajjiżi żviluppati skont rapport minn tliet tobba mill-isptar Mater Dei.

Skont ir-rapport li ġie ppubblikat fil-Malta Medical Journal aktar kmieni din is-sena, it-tobba qalu li bbażaw ir-rapport tagħhom fuq tliet każijiet ta’ scurvy li daħlu fid-dipartiment tal-pedjatrija fl-isptar Mater Dei f’perjodu qasir taż-żmien. It-tlett itfal kellhom l-awtiżmu (Autistic Spectrum Disorder).

It-tobba qalu li l-iscurvy hija defiċjenza fil-vitamina Ċ – defiċjenza li hija rari f’pajjiżi żviluppati. Però, tfal li għandhom dieta ristretta ġejja minn problemi psikjatriċi u pazjenti li qed jirċievu l-kimoterapija huma f’riskju akbar li jkollhom l-iscurvy.

It-tobba qalu li l-ewwel każ kien jinvolvi tifla ta’ madwar ħames snin li kellha Coeliac disease u l-awtiżmu. Din ittieħdet l-isptar meta bdiet izzappap. Saru numru ta’ testijiet fuqha inkluż bone marrow biopsy. Fl-aħħar sar test tad-demm għal-livelli tal-vitamina Ċ u saret dijanjosi tal-iscurvy.

It-tieni każ kien jinvolvi tifla ta’ 10 snin b’dieta ristretta. Sar test tad-demm u nstab li kellha l-iscurvy wkoll.

It-tielet każ kien dwar tifel ta’ disa’ snin li bħat-tifla tal-ewwel każ beda jzappap. Instab li kellu l-istess defiċjenza li kellhom iż-żewġt itfal l-oħra.

It-tliet itfal qalbu għall-aħjar meta bdew jieħdu mediċina tal-vitamina Ċ.

It-tobba qalu li interessi ristretti u mġieba ripetittiva huma karatterestiċi tal-awtiżmu u jistgħu jirriżultaw f’diffikultajiet waqt il-ħin tal-ikel u dieta ristretta. It-tobba spjegaw li l-vitamina Ċ tinsab fil-frott taċ-ċitru bħal-larinġ u f’xi ħaxix bħat-tadam.

It-tobba temmew jgħidu li jirrakkomandaw li l-pazjenti kollha bl-awtiżmu li għandhom dieta ristretta għandhom jiġu screened għall-iscurvy.

Ir-rapport dwar il-każ tħejja minn Dr Jessica Coppini, Dr Charles Borg, u Dr Cecil Vella.

Wieħed jista’ jaqra l-case report sħiħ bl-Ingliż minn hawn.

Għal aktar informazzjoni dwar l-iscurvy wieħed jista’ jidħol hawn.