3 irġiel jibqgħu arrestati b’rabta ma’ qabda ta’ 7 kilos kannabis

CMRU

Read in English.

Raġel ta’ 24 sena minn Bormla u raġel ta’ 47 sena miż-Żejtun baqgħu miżmuma taħt arrest wara li tressqu l-Qorti akkużati li assoċjaw ruħhom ma’ persuni biex jittraffikaw id-droga kannabis. Huma wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom.

Raġel ieħor ta’ 40 sena mis-Serbja wkoll tressaq quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud b’rabta mal-istess qabda ta’ 7 kilos droga kannabis. Huwa wieġeb mhux ħati u nżamm arrestat.

F’Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud, iż-żewġ Maltin ġew akkużati wkoll li d-droga kannabis instabet f’ċirkostanzi li juru li ma kienux għall-użu personali tagħhom, li kisru kundizzjonijiet tal-Qorti. Ir-raġel minn Bormla li jaħdem għal rasu ġie akkużat ukoll li wettaq reat waqt perjodu ta’ sentenza sospiża u li sar riċediv. Il-Qorti laqgħet it-talba tal-prosekuzzjoni biex jiġu friżati l-assi tal-akkużati.

Ma saritx talba għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużati. Għar-raġel minn Bormla dehru l-avukati Franco Debono u Marion Camilleri, filwaqt li għar-raġel miż-Żejtun dehru l-avukati Jacques Grima u Gianluca Caruana Curran.

Is-Serb ġie mixli li l-assoċja ruħu ma’ persuni biex jittrafika d-droga kannabis, bi traffikar, kif ukoll pussess ta’ droga kokaina kif ukoll li pprova jeqred l-evidenza.

Ir-raġel wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu.

L-avukat Joe Brincat li deher għas-Serb għamel talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba raġunijiet familjarji. Din ġiet miċħuda mill-Qorti wara li l-Prosekuzzjoni argumentat kontra din it-talba minħabba l-gravità tar-reat. Kif ukoll minħabba li l-Pulizija għadha qed tinvestiga l-każ.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Kevin Pulis.