3 irġiel arrestati talli aggredew lil raġel f’Malta b’rabta mal-mafja

Read in English.

Tliet irġiel Taljani ġew arrestati talli sawtu lil negozjant Taljan li joqgħod Malta f’Jannar li għadda.

It-tliet membri tal-klikka mafjuża ‘Ndrangheta, li joperaw fuq barra ta’ Milan, waslu Malta biex jiġbru madwar €2,900. Il-vittma, Giovanni D’Alessandro, kellu jagħti l-flus lil tnejn mit-tliet individwi li ġew Malta, għal xogħol li kienu għamlu għall-kumpanija ta’ kostruzzjoni tiegħu meta ħaddimhom mingħajr ktieb.

D’Alessandro, li joqgħod Marsaskala u hu sid ta’ kumpanija tal-kostruzzjoni, kellu jittieħed l-isptar wara li ġie aggredit, billi kellu l-għadam ta’ sidru mkisser, snienu mkissrin u kien mimli demm.

It-tliet persuni ġew arrestati fil-bidu ta’ dan ix-xahar. L-aħwa Giuseppe u Michele de Novara, flimkien ma’ Giovanni Lillo, ġew akkużati li attakkaw lil D’Alessandro brutalment.

L-aħwa kienu impjegati illegalment f’siti tal-kostruzzjoni ta’ D’Alessandro bejn Novembru tal-2019 u Jannar tal-2020.

Di Novara ġew Malta fil-25 ta’ Jannar fuq titjira tal-Air Malta mill-ajruport Linate f’Milan. Il-biljetti qatgħethom is-sieħba ta’ Lillo, Francesca Rispoli, magħrufa bħala Chicca. Hi bint Vincenzo Rispoli, li jinsab il-ħabs minħabba l-involviment tiegħu fil-mafja. Giuseppe di Novara miżżewweġ lil oħt Vincenzo.

It-telefonati fuq il-mowbajls tal-akkużati jixħtu dawl fuq l-attakk fuq Giovanni D’Alessandro, billi l-akkużati ftaħru dwar kemm kienu vjolenti miegħu.

Il-gazzetta Taljana Il Giorno li ppubblikat biċċiet minn konverżazzjoni bejn Francesca Rispoli u s-sieħeb tagħha, turi li Rispoli qalet lit-tliet persuni jirritornaw l-Italja bil-flus. Lillo qalilha ma tinkwetax, għax jekk il-vittma ma jikkoperax, jaqla’ xebgħa tajba.

F’konverżazzjoni oħra, Lillo ta dettalji lil Rispoli fuq l-attakk, u qal li kien hemm id-demm u saħansitra snien mal-art.