​3 imutu wara li kielu bettieħ infettat fl-Awstralja

Tliet persuni mietu fl-Awstralja wara li kielu xi bettieħ li kien kontaminat bil-batterja tal-listeria.
Skont il-BBC, 15-il persuna anzjana ġew infettati wara li kielu bettieħ li huma marbuta ma’ razzett fl-istat ta’ New South Wales.
Fl-Awstralja ħareġ avviż biex nies anzjani, nisa tqal, u trabi ma jieklux bettieħ li jkun diġà maqsum. Ħareġ ukoll avviż biex nies li huma vulnerabbli għall-listeriosis jarmu kull tip ta’ bettieħ tat-tip rockmelons li jkunu xtraw qabel l-1 ta’ Marzu.
Skont il-BBC, ir-rockmelons ġew irtirati mill-ħwienet fl-Awstralja wara li kien hemm l-ewwel sinjali ta’ kontaminazzjoni f’Jannar.
Is-sintomi ta’ listeriosis jinkludu temperatura għolja, sintomi simili għal dawk tal-influwenza, ir-remattar u d-dijarea.