3 immigranti salvati wara li qabżu ġol-baħar

Ilhom xahar bejn sema u ilma

MHSE

Read in English.

Tliet immigranti mis-27 immigrant abbord Maersk Etienne, it-tanker li jinsab fl-ibħra Maltin, qabżu ġol-baħar tant kemm qatgħu qalbhom li għad jiġu salvati.

Il-kumpanija kitbet fi tweet li s-sitwazzjoni eskalat. It-tliet immigranti ġew salvati u qed jingħataw il-kura meħtieġa.

Il-kumpanija tat-tankers kompliet tappella għall-għajnuna umanitarja għal dawn is-27 persuna.

Mistoqsi fuq dan il-vapur, il-Prim Ministru Robert Abela qal li r-responsabbiltà hi tad-Danimarka peress li l-vapur għandu bandiera Daniża. Huwa insista li Malta m’għandha l-ebda dmir lejn dawn l-immigranti, minkejja li jinsabu fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ Maltija.

Huwa qal li jifhem lill-Maltin tal-Marsa u tal-Ħamrun “li għalihom l-immigrazzjoni irregolari hija pjaga.” Sostna li l-ewwel interess tieħgu huma d-drittijiet tal-Maltin u l-Għawdxin, u li hu l-Prim Ministru tal-Maltin l-ewwel u qabel kollox. Staqsa għaliex ma intervjenietx l-Unjoni Ewropea, u stqarr li din is-sena l-Gvern wettaq ħafna xogħol siewi fuq l-immigrazzjoni, minkejja li r-rilokazzjoni tal-immigranti mhix biżżejjed.

L-immigranti ilhom aktar minn xahar fuq il-baħar. Malta rrifjutat li taċċettahom wara li salvahom dan it-tanker. Fost in-nies abbord hemm mara tqila u persuna minorenni.