3 il-Qorti fl-Ingilterra akkużati li ffinanzjaw terrorista ta’ Brussell

Żewġt irġiel u oħt wieħed minnhom ġew akkużati, quddiem Qorti Ingliża, li ffinanzjaw jew għenu l-iffinanzjar tat-terroriżmu, b’mod speċifiku li ġabru jew taw flus lil wieħed mit-terroristi tal-ajruport ta’ Brussell fl-attakk tax-xahar li għadda.
Mohammed Ali Ahmed u Zakaria Boufassil, it-tnejn ta’ 26 sena, ġew akkużati li taw bi £3,000 (jew €3,800) lil Mohamed Abrini meta kien f’Birmingham fl-Ingilterra f’Lulju li għadda.
Abrini hu dak li deher b’kappell fl-ajruport ta’ Zavantem u li għalih kienet għaddejja tfittxija fi Brussell sakemm ġie arrestat.
Soumaya Boufassil, ta’ 29 sena, li dehret fil-Qorti liebsa burka, ġiet akkużata li ġabret il-flus għal skop ta’ terroriżmu.
Wieħed miż-żewġt irġiel hu ċittadin Ingliż waqt li l-aħwa huma Belġjani-Marokkini li kienu qed jgħixu f’Birmingham.