3 ijiem ċans biex tiġbor il-vouchers tal-Gvern

Miguela Xuereb

MaltaPost ħabbret li se testendi s-sigħat tal-ftuħ tal-uffiċċji tal-posta f’San Pawl il-Baħar u f’Buġibba għat-tlett ijiem li ġejjin biex in-nies ikunu jistgħu jmorru jiġbru l-vouchers tal-Gvern.

F’post fuq Facebook MaltaPost qalet li l-uffiċċji tal-posta fi Triq San Pawl, f’San Pawl il-Baħar u dak ta’ Triq id-Dolmen f’Buġibba se joffru servizz temporanju bejn l-4pm u s-7pm minn għada t-Tlieta sa nhar il-Ħamis esklussivament biex in-nies ikunu jistgħu jmorru jiġbru l-vouchers tal-Gvern.

Maltapost se tkun qed testendi dan is-servizz filgħaxija għat-tlett ijiem li ġejjin hekk kif ħafna nies ma nzertawx id-dar meta kienu qed jitqassmu l-vouchers tal-Gvern u kawża t’hekk is-Sibtijiet filgħodu qed ikun hemm ħafna nies jistennew barra l-uffiċċji postali ta’ San Pawl il-Baħar u Buġibba jistennew biex jiġbruhom. Minn ritratti li kienu qed jiċċirkulaw fuq il-midja soċjali minħabba f’hekk kienu qed jinkisru l-miżuri tad-distanza soċjali u jiżdied il-periklu tat-tixrid tal-COVID-19 f’dawn il-lokalitajiet.

MaltaPost qalet li r-residenti li rċevew id-dokument ħadrani jridu jmorru jiġbru l-vouchers tagħhom mill-uffiċċju postali ta’ San Pawl il-Baħar filwaqt li dawk li rċevew id-dokument abjad irridu jmorru jiġbru l-vouchers mill-uffiċċju postali ta’ Buġibba. Meta wieħed imur jiġbor dawn il-vouchers irid jieħu miegħu l-karta tal-identità.

⚠️𝐒𝐭 𝐏𝐚𝐮𝐥’𝐬 𝐁𝐚𝐲 & 𝐁𝐮𝐠𝐢𝐛𝐛𝐚/𝐐𝐚𝐰𝐫𝐚 𝐏𝐨𝐬𝐭 𝐎𝐟𝐟𝐢𝐜𝐞𝐬 𝐄𝐱𝐭𝐞𝐧𝐝𝐞𝐝 𝐎𝐩𝐞𝐧𝐢𝐧𝐠 𝐇𝐨𝐮𝐫𝐬We would like to inform our clients that the Post…

Posted by MaltaPost on Monday, August 10, 2020