3 ijiem bla ilma; il-WSC tgħid li nstabet problema oħra

Sorsi qalu ma’ Newsbook.com.mt li filwaqt li l-provisti tal-ilma fil-Ħamrun u f’ċerti nħawi ta’ Santa Venera kellhom jingħalqu għal jum wieħed biss, ir-residenti issa ilhom tliet ijiem mingħajr ilma.
Kelliem għall-Korporazzjoni tas-Servizzi tal-ilma spjega li wara li nfetħet il-provvista tal-ilma instabet problem oħra li qed tiġi solvuta bħalissa.
Is-sorsi qalu li spiċċaw bilkemm jistgħu jinħaslu u jgħamlu t-te mill-fliexken tal-ilma, u saħansitra qed ikollhom jixtru l-ikel minn barra. Qalu wkoll li ma jifilħux aktar dan it-tip ta’ inkovenjent fit-tul.
Kelliem għall-Korporazzjoni qal ma’ Newsbook.com.mt li dan kollu beda meta kuntrattur privat kien qed jagħmel xi xogħolijiet u laqat wieħed mill-mains tal-ilma.
Sostna li mill-ewwel ħadu azzjoni u kkuntattjaw lill-kuntrattur sabiex isiru t-tiswijiet neċessarji. It-tiswijiet saru u llum il-Korporazzjoni fetħet il-provvista tal-ilma.
Għaldaqstant, wara dan tfaċċa air pocket li qed jikkawża problem fil-provvista tal-ilma, u li l-kelliem saħaq li Korporazzjoni tas-Servizzi tal-Ilma tinsab għaddejja taħdem fuqhom bħalissa.
Huwa fakkar li meta wieħed jixgħel provvista tal-ilma, ma jfissirx li d-djar se jkollhom l-ilma immedjatament, iżda spjega li filwaqt li xi postijiet jaf jirċievu l-ilma fi ftit minuti, f’postijiet oħra jaf idum aktar sabiex jasal.