3 ġuvintur li serqu minn Għawdex jibqgħu arrestati

Żewġt irġiel akkużati li serqu daqs €2,000 minn residenza fin-Nadur Għawdex, tressqu l-Maġistrat tal-Għassa. Magħhom tressaq ukoll raġel ieħor ta’ 26 sena f’każ separat ta’ serq.

Fi stqarrija, il-Pulizija qalu li raġel ta’ 25 sena residenti l-Ħamrun, u ieħor ta’ 33 sena residenti Santa Venera tressqu quddiem il-Maġistrat tal-Għassa. Huma qed jiġu akkużati li serqu daqs €2,000, li volontarjament għamlu ħsara fi ħwejjeġ ta’ ħaddieħor, li laqgħu għandhom oġġetti misruqa u li rrendew ruħhom reċedivi.

Huma komplew jgħidu fl-istqarrija li raġel ieħor, f’każ separat, seraq mowbajl fir-Rabat, u iktar tard fl-istess ġurnata seraq fliexken tax-xorb, tablet u flus kontanti fost oħrajn f’restaurant li jinsab fix-Xlendi. Huwa raġel ta’ 26 sena, mill-Libya.

L-istqarrija ddettaljat li t-tlieta li huma wieġbu mhux ħatja għall-akkużi. Huma ma ngħatawx il-libertà u baqgħu arrestati.