3 għażliet jekk tħassritlek titjira mal-Air Malta

Aġġornat 02:23 PM

L-Air Malta ħabbret li qed toffri aktar flessibbiltà u valur għat-titjiriet ikkanċellati minħabba l-pandemija tal-Covid-19.

Fi stqarrija, il-linja nazzjonali tal-ajru ħabbret tliet għażliet ġodda, li jingħataw f’forma ta’ vawċers tal-ivvjaġġar li jvarjaw minn krediti futuri għal vawċer tal-ivvjaġġar ta’ 30% addizzjonali fuq il-valur tan-noll mixtri.

Għażla 1: Lest biex “Tibbukkja l-vjaġġ tiegħek” – jekk bħalissa taf meta u fejn trid tmur. Din l-għażla tippermetti lill-klijenti jibdlu d-destinazzjoni tagħhom (jekk it-titjira toriġina minn Malta) u jagħżlu data ġdida fi żmien 12-il xahar mid-data tat-titjira oriġinali mingħajr ħlas. Se jiġi offrut ukoll Vawċer tal-Ivvjaġġar ta’ €20 għal kull titjira u passiġġier ibbukkjat lil dawk kollha li jagħżlu din l-għażla. Dan il-Vawċer tal-Ivvjaġġar huwa validu għal 12-il xahar mid-data tal-ħruġ fuq kwalunkwe titjira mill-Air Malta. Dan huwa totalment trasferibbli u mhux rimborsabbli.

Għażla 2: “Żomm il-vjaġġ tiegħek” – jekk bħalissa ma tafx meta u fejn trid tmur. L-għażla “Żomm il-vjaġġ tiegħek” se toffri lill-klijenti 30% addizzjonali fuq il-valur tal-prezz oriġinali tan-noll (minbarra t-taxxi u t-tariffi). Dawn il-Vawċers tal-Ivvjaġġar huma validi għal 12-il xahar mid-data tal-ħruġ fuq kwalunkwe titjira operata mill-Air Malta. Dawn huma totalment trasferibbli u mhux rimborsabbli.

Għażla 3: Iddeċiedi dwar il-“Vjaġġ tiegħek aktar tard” – jekk m’intix ċert li se tivvjaġġa fil-futur. Il-Vawċer tal-Ivvjaġġar b’din l-għażla huwa validu għal 12-il xahar mid-data tal-ħruġ fuq kwalunkwe titjira operata mill-Air Malta. Dan mhuwiex trasferibbli u huwa totalment rimborsabbli. Jekk ma tużahx, tista’ tapplika għal rifużjoni tal-Vawċer tal-Ivvjaġġar fl-aħħar xahar tal-validità tiegħu.

Wieħed jista’ jikseb aktar tagħrif u links biex japplika minn hawn.

L-Air Malta tavża li wara li dawn il-formoli online jaslu għandha, il-klijenti jiġu kkuntattjati u jintbagħtulhom il-Vawċers tal-Ivvjaġġar tagħhom.

Fis-16 ta’ April, l-Air Malta ħarġet kjarifika dwar dawn it-tliet għażliet. Fissret li l-klijent jista’ jagħżel waħda minn dawn l-għażliet, bħala alternattiva għar-rifużjoni.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn