3 għaqdiet jappellaw għal sehem ikbar minn Malta favur refuġjati

Fondazzjoni aditus, Fondazzjoni Integra u l-Jesuit Refugee Service laqgħu ż-żjara tal-Prim Ministru f’kamp tar-refuġjati fil-Ġordan u l-impenn tiegħu li jkompli jħeġġeġ lill-UE tagħti iktar assistenza lill-Ġordan u lil-Libanu.
It-tliet għaqdiet irrimarkaw li l-kamp Al Za’atari jilqa’ iktar minn 80,000 refuġjat, li hu iktar mid-doppju tal-popolazzjoni ta’ Għawdex, u li 30% tagħhom huma tfal b’aċċess limitat għad-drittijiet u ħtiġijiet bażiċi.
Esprimew irwieħhom kunfidenti li l-laqgħa tal-Prim Ministru tagħmlu iktar sensittiv għall-bżonn iddisprat ta’ dawn in-nies, li jkollhom mill-ġdid id-dinjità tagħhom.
Fl-istess ħin, appellaw b’mod qawwi lil Malta biex tagħti s-sehem tagħha biex refuġjati mill-Ġordan, mil-Libanu u mit-Turkija jingħataw opportunità ġdida ta’ ħajja, sigurtà, dinjità u rispett.
Insistew li modi siguri u legali biex dak li jkun jasal f’post sigur hu l-iktar mod effettiv biex refuġjati ma jdurux għal metodi mhux siguri biex jaslu fl-Ewropa.