​Bomba Fgura: Jinżammu arrestati t-3 akkużati

It-tliet irgiel li tressqu b'arrest il-Qorti dalgħodu se jinzammu taħt arrest b’rabta mal-każ ta’ bomba li tpoġġiet taħt vettura fil-Fgura fl-4 ta’ Jannar.
Żewġt aħwa, raġel ta’ 34 sena mix-Xghajra, u ieħor ta’ 29 sena minn Birżebbuġa, flimkien ma’ raġel ieħor ta’ 49 sena mill-Qrendi qed jiġu akkużati li wettqu atti kriminali li jinkludi l-ħidma nnifisha jew il-kummissjoni tal-ħidma ta’ splussiv intenzjonat biex joqtol lil negozjant tal-karozzi.
Ir-raġel mill-Qrendi qed jiġi akkużat ukoll li żamm arma tan-nar mingħajr liċenzja, kif ukoll li kellu raża tal-kannabis u droga eroina. 
Ir-raġel mix-Xgħajra qed jiġi akkużat li fil-garaxx tiegħu kellu ammont ta’ sigaretti bla dazju filwaqt li ħuh, qed jiġi akkużat li kellu raża kannabis lesta għat-traffikar. 
It-tlett irġiel qed jitqiesu wkoll bħala reċedivi.
Minkejja li wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom, l-irġiel se jinżammu taħt arrest wara li d-difiża ma talbitx il-ħelsien tagħhom.
4 arresti, 3 il-Qorti
Jumejn ilu, erba’ persuni ġew arrestati b’rabta mal-każ, madanakollu, illum tressqu biss tlieta minnhom. 
Newsbook.com.mt għamel kuntatt mal-Pulizija li spjegat li r-raba’ pesuna ma tressqitx il-Qorti minħabba li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejja. 
Dwar arrest li skont sezzjonijiet tal-midja sar ilbieraħ b'rabta mal-bomba, il-kelliema qalet li ma sarux arresti jew li ma ġewx mgħarrfa bil-każ.
X’ġara f’Jannar li għadda?
F'Jannar il-Pulizija ssejħu fi Triq Sant'Antnin għall-ħabta tas-6.30pm, u wara l-ewwel investigazzjonijiet issejħu l-Forzi Armati ta' Malta mit-Taqsima tal-Bomb Disposal Unit.
Kien ħoss stramb ġej mill-karozza li ġibed l-attenzjoni, fejn instab li kien hemm bomba mal-karozza, li ma ħaditx.
Il-karozza, Mitsubishi Pajero/Shogun hija ta’ Mario Scicluna, negozjant tal-karozzi minn Ta’ Sannat li jgħix il-Fgura.