3 friefet il-lejl lura lejn darhom

Tliet friefet il-lejl reġgħu lura fl-ambjent naturali tagħhom wara li qattgħu xi żmien ta’ riabilitazzjoni taħt għajnejn Nature Trust.

Il-friefet il-lejl ġew misjuba ġewwa l-Mellieħa, Burmarrad u n-Naxxar. Dawn ingħataw il-kura meħtieġa biex ikunu jistgħu jerġgħu imorru lura fl-ambjent tagħhom. It-tim ta’ Nature Trust ipprovda l-għajnuna meħtieġa u saħansitra għen lill-friefer il-lejl jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom fil-kaċċa.

Membri ta’ Greenhouse Malta ġew avviċinati minn Nature Trust biex jieħdu d-dettalji tal-piż, il-qies tal-ġwienaħ u l-istruttura tas-snien ta’ kull farfett il-lejl biex b’hekk ikunu jistgħu jintużaw għal skopijiet t’identifikazzjoni.

Nature Trust irringrazzjat lill-pubbliku għall-għajnuna tiegħu fis-salvataġġ ta’ annimali fil-bżonn.