3 films kbar illum fuq it-TV Taljan

Ritratt: Uffiċju stampa Mediaset

Illejla Rete 4 se jkun qed juri tlett films kbar u li ħafna nies ikunu qed jistennew li jerġgħu jarawhom proprju fiż-żmien tal-Ġimgħa l-Kbira.

Fl-4pm: The Nun’s Story (1959)

Audrey Hepburn, Dean Jagger u Peter Finch huma l-protagonisti ta’ dan il-film dwar tfajla li tiddeċiedi li titbiegħed mir-rikezzi tal-familja tagħha biex tidħol soru. Iżda hi tiffaċċja bosta dubji dwar l-għażla li tkun għamlet.

Fid-9.25pm: King of Kings (1961)

Ritratt: Uffiċju stampa Mediaset

Jeffrey Hunter kien il-protagonist ta’ dan il-film li kien nominat għall-Aħjar Film fil-Golden Globe Awards. Ray Bradbury kien kiteb in-narazzjoni tal-film iżda ismu qatt ma kien imniżżel fil-credits. Carmen Sevilla interpretat lil Maria Maddalena iżda l-vuċi fil-film ma kinitx tagħha. Użaw dik ta’ attriċi li isimha qatt ma ħareġ. Il-leħen vera ta’ Sevilla jinstema’ fil-film A Spanish Affair.

Ix-xena tal-kruċifizzjoni reġgħet inħadmet wara li tlesta l-film. Dan għaliex il-film intwera quddiem udjenza żgħira li kkitikaw il-fatt li Kristu kellu s-suf fuq sidru u għalhekk ħadmu x-xena wara li l-attur kellu jqaxxar. Għal Jeffrey King, dan il-film jibqa assoċjat miegħu iżda oriġinarjament il-parti ta’ Kristu ma kinitx offruta lilu iżda lil Richard Burton. Wara s-suċċess fiċ-ċinema, il-film intwera fuq diversi stazzjonijiet televiżivi Amerikani iżda sal-lum għadu qatt ma ntwera fuq wieħed mill-istazzjonijiet il-kbar, is-CBS, l-NBC u l-ABC.

Fis-00.50am: Jesus Christ Superstar (1973)

Ritratt: Uffiċju Stampa Mediaset

Verżjoni ċinematografika tal-musical popolari b’Ted Neeley fil-parti ta’ Kristu. Ix-xena tal-aħħar fejn jidher ir-ragħaj ma kinitx ippjanata u ġiet b’kumbinazzjoni meta  kien hemm ragħaj għaddej waqt li kien hemm il-filming għaddej. Dan id-dettall ma dejjaq xejn lid-direttur Norman Jewison minħabba fis-sinjifikat li r-ragħaj għandu fil-Bibbja. Neelay ltaqa’ martu Leeyan Granger fuq is-sett ta’ dan il-film. Hi kienet ħadmet il-parti ta’ żeffiena. Waqt ix-xena fejn Kristu jissawwat bil-frosta, omm l-attur ħarġet il-barra għax ħasset li kienu tant realistiċi u anki minħabba l-fatt li hi qatt ma kienet refgħet idejha fuq binha.

Żball interessanti fil-film hu li meta jidher Kristu msallab, l-attur iċaqlaq idejh b’tali mod li juri li fuq il-pala ta’ jdejh kellu biss il-qiegħ tal-musmar. Iżda għal naqra ma kienx se jkollu msiemer vera f’idejh. Dan għaliex l-attur Iżraeljan ma kienx jifhem sew l-Ingliż u ħaseb li kellu jsammar il-musmar dritt f’idejn l-attur. Jewison intebaħ mill-ewwel x’kien se jagħmel u waqqfu bl-ezatt. Minn mindu ħadem f’dan il-film, Neeley baqa’ sal-lum il-ġurnata jiġi avviċinat sena wara l-oħra biex jinterpreta lil Kristu f’diversi produzzjonijiet fi żmien il-Passjoni.