3 Ċentri Pastorali f’Għawdex issa aktar attrezzati għaż-żgħażagħ

Tliet Ċentri Pastorali fi tliet parroċċi differenti ġew attrezzati sabiex ikunu jistgħu jilqgħu fihom aktar żgħażagħ.

Dan ħareġ minn stqarrija mid-Djoċesi ta’ Għawdex li titkellem dwar tliet proġetti ta’ tiġdid f’ċentri pastorali fl-istess gżira, li saru bil-għan li jsir investiment pastorali fiż-żgħażagħ. Ġie spjegat li d-Djoċesi ta’ Għawdex kienet minn tal-ewwel li żviluppat il-kunċett ta’ ċentru parrokkjali bħala għodda fil-parroċċi tagħha, sabiex jiġu moqdija aħjar il-funzjonijiet tagħhom u joffru spazju fiżiku fejn ikunu jistgħu jiltaqgħu l-membri tagħhom.

Il-proġett taċ-Ċentru Pastorali u ta’ Ospitalità Ġesù Nazzarenu fix-Xagħra, li nfetaħ uffiċjalment fid-29 ta’ Settembru qed jara li l-Parroċċa tax-Xagħra jkollha l-mezzi kollha biex tilqa’ u twassal il-Kelma ta’ Alla. Fost l-oħrajn, din il-binja li issa għandha tliet sulari qed iservi sabiex tingħata formazzjoni spiritwali lill-familji, tfal u adoloxxenti. Il-kumpless jinkludi żewġ swali, li fihom flimkien mal-Ministeru għal Għawdex se jkunu qed jipprovdu servizz għall-anzjani fil-komunità matul il-lejl.

Intant, proġett ieħor fil-Parroċċa tal-Immakulata Kunċizzjoni u San Ġużepp fil-Qala ra r-rinovar ta’ parti miċ-Ċentru Parrokjali ta’ San Ġużepp biex il-parroċċa tkun tista’ toffri servizz aħjar lill-komunità. Il-post illum joffri sala mgħammra għal-laqgħat, servizzi ġodda, spazju għat-talb u r-riflessjoni u sala multifunzjonali.

It-tielet proġett huwa dak tal-Parroċċa ta’ San Ġorġ fir-Rabat Għawdex. Il-Parroċċa ħadmet sabiex toħloq spazju modern, akkoljenti u attrezzat biex id-diversi gruppi parrokjali jiltaqgħu fih. Inħaseb li din isservi bħala games room għar-rikreazzjoni, post ta’ soċjalizzazzjoni fejn wieħed jiltaqa’ b’mod rilassat, kif ukoll post ta’ formazzjoni.