“3 ċentri ġodda għall-Università tat-Tielet Età” – Agius Decelis

Qed issir ħidma mal-Università ta’ Malta sabiex jinfetħu tliet ċentri ġodda għall-Università tat-Tielet Età. Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis. Hu kien qed jindirizza l-anzjani fl-Istitut Kattoliku fil-Furjana.

Skont stqarrija, fl-indirizz tiegħu għall-ftuħ tas-sena akkademika tal-Università tat-Tielet Età, Agius Decelis insista dwar l-importanza tal-apprezzament tat-tgħalim tul il-ħajja. Is-Segretarjat Parlamentari flimkien mal-Università qed jaħdmu sabiex jinfetħu tliet ċentri ġodda f’Ħ’Attard, Birżebbuġa u l-Mellieħa. Dan sabiex jintlaħqu aktar nies u aktar anzjani jkunu jistgħu jipparteċipaw f’dawn il-programmi.

Agius Decelis semma wkoll li Malta se tkun l-ewwel pajjiż fid-dinja li se tiftaħ l-Università tar-Raba Età. Din se tkun qed tagħmel l-edukazzjoni aċċessibbli għal anzjani b’dipendenza għolja.