“3 biss minn 20 sit tal-Gvern huma disponibbli bil-Malti”

Il-kandidat Nazzjonalista għall-Parlament Ewropew, Dr Peter Agius, irrimarka li tlieta biss minn 20 sit tal-Gvern huma disponibbli bil-Malti.   Żied jgħid li minn 11-il kawża li l-Gvern Malti ressaq fil-Lussemburgu, tlieta biss saru bil-Malti u l-bqija saru bl-Ingliż.  Insista li jekk ikun MEP se jara li jgħolli l-istatus tal-Malti kemm f’Malta kif ukoll fl-Ewropa.

Dr Agius qal dan wara li ltaqa’ ma’ membri tal-Kunsill Nazzjonali tal-Malti, id-Dipartiment tal-Malti fl-Università ta’ Malta, mal-Akkademja tal-Malti u mal-Assoċjazzjoni tal-Qarrejja tal-Provi tal-Malti.

Irrefera wkoll għal dik li sejjaħ aħbar ħażina għal Malta, li fil-Parlament Ewropew jista’ ma jibqax ikun hemm l-interpretazzjoni għall-Malti.  Saħaq li dan huwa inaċċettabbli meta l-Università ta’ Malta pproduċiet 300 student b’masters fit-traduzzjoni u l-interpretazzjoni. Stqarr li s-servizz ta’ interpretu għandu jkun assigurat fil-livell ta’ kumitati wkoll.

Il-kandidat Nazzjonalista saħaq li hu se jibqa’ jaħdem mill-qrib mal-għaqdiet rappreżentattivi tal-ilsien Malti. Fisser li huwa ċar li se jkun hemm sfidi bid-diġitalizzazzjoni iżda hu importanti li “nkomplu nimbuttaw l-użu tal-Malti fl-istituzzjonijiet Ewropej”.