3 bajjiet se jgawdu minn żieda fir-ramel

Fi tliet bajjiet madwar Malta, se jkun qed isir xogħol ta’ riġenerazzjoni permezz ta’ ramel naturali mill-istess bajjiet. Dan ix-xogħol se jkun qed isir b’metodi li jħalli l-inqas impatt ambjentali possibbli.

It-tliet bajjiet li fuqhom se jsir dan ix-xogħol huma; il-bajja ta’ San Ġorġ f’Birżebbuġa, il-bajja ta’ Għar l-Aħmar f’Marsaxlokk u l-Bajja tal-Balluta f’Tas-Sliema. Lukanda viċin il-bajja tal-Balluta se tkun qed tiffinanzja l-proġett ta’ din il-bajja għal ħames snin filwaqt li ż-żewġ bajjiet l-oħra se jkunu qed isiru mill-gvern. Il-Gvern se jkun qed jinvesti €150,000 għal dan il-proġett f’dawn iż-żewġ bajjiet.

Il-ministru għat-Turżimu Konrad Mizzi f’konferenza tal-aħbarijiet qal li l-għan ta’ dan l-investiment hu wiħed olistiku sabiex ikun iktar bajjiet li jistgħu jitgawdew mill-Maltin u t-turisti fin-naħa t’isfel ta’ Malta. Spjega li Tas-Sliema u San Ġiljan huma lokalitajiet li jattiraw it-turisti u kien hemm domanda kbira għal iktar bajjiet simili.