3 arrestati wara serqa ta’ kwart ta’ miljun Ewro f’San Ġiljan

Il-Pulizija arrestat tliet irġiel b’rabta ma’ investigazzjonijiet ta’ allegat serq ta’ kważi €250,000 minn stabbiliment tal-logħob f’San Ġiljan.

Fi stqarrija kien spjegat li l-arrest tat-tliet irġiel Bulgari sar fis-sigħat li għaddew. Jidher li s-serq seħħ fuq perjodu ta’ madwar tliet snin. L-investigazzjonijiet bdew f’Jannar li għadda meta uffiċjali tal-istabbiliment għamlu rapport lill-Pulizija tad-Distrett ta’ San Ġiljan li ħaddiem u żewġ persuni oħra kienu qed jaġixxu b’mod suspettuż. Qalu li allegatament dawn kienu qed jirbħu ammont konsiderevoli ta’ flus.

Il-Pulizija bdiet tinvestiga sabiex ikun stabbilit il-movumenti ta’ dawn it-tliet persuni, ħaddiem Bulgaru ta’ 36 sena u żewġ persuni oħra, ukoll Bulgari, ta’ 32 sena u 27 sena, kollha residenti Malta.

Irriżulta minn sigħat twal ta’ investigazzjonijiet, li l-allegat serq seħħ bejn Ottubru 2017 u Jannar 2020.

Fl-aħħar siegħat il-Pulizija kkonkludiet l-investigazzjonijiet tagħha u t-tlett irġiel mistennija jitressqu l-Qorti llum għall-ħabta tan-nofsiegħa, quddiem il-Maġistrat tal-għassa Audrey Demicoli.