3 arrestati fuq sejba ta’ kokaina u ħaxixa

Tliet irġiel ġew arrestati wara li l-Pulizija sabet d-drogi tal-kokaina u l-ħaxixa f’vettura u dar fis-Swieqi.

Fi stqarrija l-Pulizija qalet li sabet madwar seba’ kilos tal-ħaxixa tal-kannabis u ammont ta’ trab abjad aktarx kokaina lesta għat-traffikar.

Parti sostanzjali mill-ħaxixa nstabet ġo żewġ boroż imdaqqsa li kienu ġo vettura fis-Swieqi. Din kienet misjuqa minn raġel ta’ 47 sena minn Santa Venera, li miegħu kien hemm raġel ieħor ta’ 24 sena minn Bormla. Il-kokaina nstabet wara tfittxija li saret ġewwa residenza fis-Swieqi stess. Hemm ġie arrestat raġel ta’ 40 sena mis-Serbja.

Fir-residenza nstabu żewġ kilogrammi ħaxixa tal-kannabis, li parti minnhom kellhom jiġu rkuprati mis-sistema tad-drenaġġ wara li s-Serb ipprova jiddisponi minnhom malli daħlu l-pulizija.

L-irġiel mistennija jitressqu l-Qorti taħt arrest għada akkużati b’assoċjazzjoni, traffikar, u pussess aggravat tad-droga fost l-oħrajn.