
Read in English.
Tliet persuni ġew arrestati fil-Bangladesh suspettati bi traffikar ta’ bnedmin wara li għexieren ta’ immigranti min-Nofsinhar tal-Asja għerqu huma u jippruvaw jaħarbu lejn l-Ewropa skont il-Pulizija.
L-arresti ġew wara l-mewt ta’ 65 immigrant li għerqu fil-Baħar Mediterran il-ġimgħa li għaddiet wara li telqu mil-Libja. Madwar nofs minn dawn il-persuni kienu ġejjin mill-Bangladesh u kienu spiċċaw fuq id-dgħajsa wara li ġew imwiegħdu xogħlijiet b’ħafna qliegħ jekk imorru l-Ewropa.
Skont uffiċjal tar-Rapid Action Battallion, il-persuni li kkonvinċew lill-immigranti sabiex jaħarbu mill-pajjiż bdew ixerrdu l-gideb u ħadu vantaġġ minn dawk li xtaqu jitilqu mill-pajjiż. Kull vittma kien spiċċa ħallas bejn €4,200 u €5,400 għall-vjaġġ. Malli jaslu l-Libja, uħud minn dawn l-immigranti jiġi mħarrġa kif isuqu d-dgħajjes, imbagħad wara jispiċċaw jivjaġġaw b’dgħajjes mimlijin sa ruħ ommhom bin-nies.
Il-Bangladesh huwa wieħed mill-aktar pajjiżi li jesporta ħaddiema, b’eluf ta’ ċittadini jitilqu mill-pajjiż sabiex isibu xogħol aħjar kull sena. Is-sena l-oħra, filwaqt li ġew arrestati 1,310 persuni akkużati bi traffikar uman, jidher li tmienja biss minn dawn tressqu l-Qorti.